Friday, November 15, 2024

Steven Gerrard jingħaqad ma’  Al-Ettifaq fis-Saudi Pro League

Aqra wkoll

L-eks midfielder tal-Ingilterra u Liverpool, Steven Gerrard, inħatar manager tat-team tal-Arabja Sawdija, Al-Ettifaq.

F’Ġunju li għadda, Gerrard, 43 sena, kien qal li f’dak ix-xahar kien mistieden fil-pajjiż biex “iħares lejn offerta potenzjali” iżda li ma kienx se jaċċettaha.

“Mingħajr dubju, il-preżenza ta’ Gerrard se tkun żieda u qabża kbira għall-kampjonat tagħna,” qal Khalid Al-Dabal, iċ-chairman tal-club. Gerrard iffirma kuntratt ta’ sentejn mal-club Sawdi.

Al-Ettifaq spiċċaw fis-seba’ post fost 16-il team fis-Saudi Pro League fl-istaġun li għadda, u spiċċaw 35 punt taħt iċ-champions Al-Ittihad.

Gerrard ilu bla xogħol minn meta tkeċċa minn manager ta’ Aston Villa f’Ottubru tas-sena l-oħra.

Iċ-ċaqliq tal-eks midfielder tal-Ingilterra fl-Arabja Sawdija wara sajf ta’ investiment qawwi mill-clubs tal-Pro League hekk kif diversi players ewlenin Ewropej ingħaqdu mal-attakkant ta’ Manchester United, Cristiano Ronaldo, fil-Lvant Nofsani.

L-eks attakkant ta’ Real Madrid, Karim Benzema, il-midfielder ta’ Wolverhampton Wanderers, Ruben Neves u t-trio ta’ Chelsea, N’Golo Kante, Kalidou Koulibaly u Edouard Mendy, huma fost dawk li se jmorru l-Arabja Sawdija, b’Marcelo Brozovic ta’ Inter ma’ Al-Nassr l-aktar ftehim riċenti li se jitlesta.

Il-manager Portugiż ta’ Fulham, Marco Silva, allegatament irrifjuta wkoll offerta ta’ £17-il miljun biex ikun il-coach ta’ Al-Hilal.

Ix-xejra tenfasizza l-ambizzjoni tal-kampjonat li jkun wieħed mill-aqwa ħamsa fid-dinja u ssegwi deċiżjoni f’Ġunju mill-Public Investment Fund (PIF) tal-Arabja Sawdija, li hija s-sid ta’ Newcastle United, biex tieħu f’idejha erba’ clubs ewlenin fil-pajjiż. Al-Ettifaq mhuwiex wieħed minnhom.

Gerrard irtira milli jilgħab fl-2016 u l-ew­wel rwol maniġerjali tiegħu kien ma’ Ran­gers fl-Iskozja.

Huwa ħa f’idejh it-team ta’ Ibrox fl-2018 u mexxa lill-club għall-ewwel titlu tal-Premiership Skoċċiż tagħhom f’10 snin fl-2020-21.

Gerrard imbagħad sar manager ta’ Aston Villa f’Novembru 2021 iżda telaq wara 13-il rebħa minn 40 logħba matul iż-żmien tiegħu fit-tmexxija.

Ekonomija

Sport