Sunday, November 24, 2024

Steven Gerrard jixtieq jiffirma lil Philippe Coutinho b’kuntratt permanenti

Aqra wkoll

Il-manager ta’ Aston Villa, Steven Gerrard, żvela li jixtieq jiffirma lil Philippe Coutinho bi trasferiment permanenti mingħand Barcelona dan is-sajf.

Il-playmaker ta’ 29 sena eċċella għall-Villans minn meta ngħaqad mal-club b’self f’Jannar, fejn skorja tliet goals u rreġistra tliet assists f’seba’ dehriet tal-Premier League.

Għażla li jinxtara lil Coutinho fi tmiem l-istaġun kienet inkluża fil-ftehim ta’ Villa mal-ġganti Katalani, u Gerrard qed jittama li l-Brażiljan jista’ jestendi l-esperjenza tiegħu fil-West Midlands.

“Phil kellu suċċess f’Barċellona iżda kellu perjodi diffiċli wkoll. Wasal fl-istadju fejn kellu bżonn bidla fix-xenarju,” qal Gerrard.

“Irridu nkunu dak ix-xenarju għalih għax jekk irridu naslu fejn irridu nkunu, irridu nibnuh madwar talenti bħal Phil, għax fl-aqwa tiegħu huwa player ta’ livell għoli.

“It-timijiet tajbin kollha għandhom player li kapaċi jbiddel l-andament tal-logħba li l-oppożizzjoni tkun verament imħassba dwarhu. Phil għandu dak l-istatus u qed jagħti twemmin lil sħabu.”

“L-attakkanti tagħna Ollie Watkins u Danny Ings iriduh flimkien magħhom. Jien ma nikkontrollax iċ-ċifri tat-trasferimenti jew il-pagi.

“Kulma nista’ nagħmel hu li nagħti l-opinjoni tiegħi lid-direttur sportiv Johan Lange, il-kap eżekuttiv Christian Purslow u lis-sidien tal-club. Qegħdin jaraw il-logħob u se jieħdu d-deċiżjoni finali. Phil wera x’inhuwa kapaċi jagħmel s’issa. .”

Rapporti preċedenti ssuġġerew li Villa jistgħu jiffirmaw lil Coutinho għal inqas minn £33 miljun, b’Barcelona potenzjalment lesti li jbaxxu l-prezz mitlub tagħhom għal madwar £25 miljun.

Sport