Saturday, December 21, 2024

Stħarriġ: 23% ta’ sidien ta’ ristoranti jgħidu li se jkeċċu lil ħaddiema tagħhom

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) qalet li 23% tal-parteċipanti fi stħarriġ li sar din il-ġimgħa qalu li se jkunu qed ikeċċu lil uħud jew lill-ħaddiema kollha tagħhom. Dan filwaqt li 45.3% oħrajn tas-sidien tal-istabbilimenti tal-catering wieġbu li għadhom ma jafux jekk humiex se jkunu qed ikeċċu lill-ħaddiema tagħhom.

Fi stqarrija ACE qalet li s-sitwazzjoni kulma jmur qed issir dejjem aktar preokkupanti, bir-riżultat tal-istħarriġ juri li 26.3% qed jikkunsidraw li jagħlqu l-istabbiliment, filwaqt li 42% oħrajn qalu li għalissa se jkunu qed jistennew is-sitwazzjoni tiżvolġi u jiddeċiedu. Kienu biss 23% li b’mod kategoriku qalu li se jżommu l-istabbilimenti tagħhom miftuħin.

ACE tenniet li konsegwenza oħra għan-nuqqas drastiku ta’ bejgħ jirriżulta mill-fatt li 60% tal-istabbilimenti naqqsu l-ħin li fih ikunu miftuħin, jew saħansitra l-ġraent li jiftħu.

L-Assoċjazzjoni indikat żewġ fatturi ewlenin li qed iwasslu għas-sitwazzjoni attwali ta’ inċertezza – in-nuqqas fil-bejgħ u l-ispejjeż insostenibbli. Bil-għan li jittaffa l-piż minn fuq l-istabbilimenti, ACE qed titlob lill-Gvern biex jipprovdi l-wage supplement lil dawk kollha impjegati fis-settur wara d-9 ta’ Marzu li għadda. Qalet ukoll li l-istħarriġ jindika li s-sidien ta’ ristoranti huma tal-fehma li biex jirnexxilhom jgħaddu x-xitwa jeħtieġ li jsir aġġustament immedjat tal-wage supplement.

Dan filwaqt li l-vawċers imħabbrin mill-Gvern fil-Baġit għas-sena li ġejja għandhom ikunu disponibbli kemm jista’ jkun malajr.

Ekonomija

Sport