Saturday, October 26, 2024

STĦARRIĠ (1): Aktar nies kuntenti b’ħajjithom wara sentejn ta’ pandemija

Stħarriġ ta’ Dr Vincent Marmarà dwar “l-Istat tan-Nazzjon”

Aqra wkoll

Stħarriġ tal-istatistiku Dr Vincent Marmarà dwar “l-Istat tan-Nazzjon” wera li kien hemm żieda sostanzjali fl-ammont ta’ nies li qalu li huma kuntenti b’ħajjithom. Dan jikkonferma li l-poplu jħoss li qed jerġa’ lura għan-normalità wara s-sentejn ta’ pandemija. Filwaqt li s-sena li għaddiet, il-persentaġġ ta’ dawk li huma kuntenti b’ħajjithom kien 60.7%, fl-istħarriġ ta’ din is-sena dan tela’ għal 77%. 

Mill-istess stħarriġ irriżulta wkoll li n-nies li jippjanaw ħajjithom naqas minn 71% fl-2021 għal 60.5% fl-2022. Il-fatturi ewleni għal dan huma l-inċertezza li hawn bħalissa speċjalment fuq l-għoli tal-ħajja u l-inflazzjoni li qed dejjem jiżdiedu. Kien hemm ukoll kważi 40% li qalu li jgħixu ġurnata b’ġurnata. 

Id-dettalji ta’ dan l-istħarriġ ġew ippreżentati dagħlodu fit-tieni edizzjoni tal-konferenza nazzjonali “L-Istat tan-Nazzjon” li saret fil-Palazz tal-Verdala. L-istħarriġ sar bejn it-28 ta’ April u nofs Mejju li għadda u jikkonsisti f’kampjun ta’ 1,064 persuna minn 16-il sena ‘l fuq, b’margin of error ta’ +/- 3%.

L-istħarriġ sab illi hemm aktar nies li qalu li se jkunu qed jgħixu aħjar fi żmien sena. Dan l-ammont tela’ minn 30.4% is-sena l-oħra għal 41.2% għal din is-sena. 

F’dawk li huma drittijiet, 67.4% wieġbu li jħossu li d-drittijiet tagħhom qegħdin jiġu mħarsa sewwa filwaqt li kienu biss 5.7% tan-nies li qalu li d-drittijiet tagħhom mhumiex qed jiġu mħarsa.

‘Il fuq minn 65% ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ qalu wkoll li jħossu li għamlu suċċess f’ħajjithom. Min-naħa l-oħra, 30.4% tan-nies qalu li huma setgħu rnexxew aktar. Aktar minn nofs ta’ dawk li mhumiex impjegati qalu li huma setgħu rnexxew aktar f’ħajjithom (52.9%).

Dwar il-livell tal-għajxien, ix-xenarju huwa simili għal dak tas-sena l-oħra. Aktar minn tliet kwarti tan-nies qalu li l-istandard tal-għajxien tagħhom huwa daqs il-medja (78.4%). Ftit aktar minn 15% tan-nies qalu li l-livell tal-għajxien tagħhom hu ogħla mill-medja.

L-inflazzjoni wasslet biex żdiedu n-nies li qalu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom hi agħar minn ta’ sena ilu. Madankollu, il-maġġoranza qalu li s-sitwazzjoni finanzjara tagħhom baqgħet l-istess meta mqabbla ma’ sena ilu. 

Sport