Saturday, December 21, 2024

Stħarriġ ġdid tal-Ewrobarometru juri livell rekord ta’ fiduċja fl-UE f’dawn l-aħħar snin….51 fil-mija

Aqra wkoll

L-aħħar Ewrobarometru qiegħed juri l-ogħla livell ta’ fiduċja fl-Unjoni Ewropea mis-sena 2007 ‘lhawn, u l-ogħla appoġġ li qatt kien hemm għall-Ewro. L-istħarriġ juri wkoll li l-Ewropej għandhom perspettiva aktar ottimista dwar il-futur. Il-popli fil-pajjiżi Ewropej iridu jaraw Unjoni Ewropea aktar b’saħħitha u aktar indipendenti, speċjalment fid-dawl tal-isfidi globali attwali.

Il-fiduċja fl-UE tinsab fl-ogħla livell li qatt kienet fih dawn l-aħħar 17-il sena

51 fil-mija tal-Ewropej jafdaw lill-Unjoni Ewropea, u dan hu l-ogħla riżultat mill-2007 ‘lhawn. Dawk li l-aktar li għandhom fiduċja fl-Unjoni Ewropea huma ż-żgħażagħ ta’ bejn il-15 u l-24 sena (59 fil-mija). 51 fil-mija tal-Ewropej qalu li għandhom fiduċja fil-Kummissjoni Ewropea, l-ogħla rekord tul dawn l-aħħar 17-il sena.

Kważi tliet kwarti tar-rispondenti (74 fil-mija) isostnu li jħossuhom ċittadini tal-UE, u dan huwa l-ogħla livell li qatt inkiseb f’aktar minn 20 sena. Barra minn hekk, aktar minn 6 minn kull 10 ċittadini tal-UE (61 fil-mija) huma ottimisti dwar il-futur tal-UE.

Fl-istess ħin, 44 fil-mija taċ-ċittadini tal-UE għad għandhom immaġni pożittiva tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li 38 fil-mija għandhom immaġni newtrali u 17 fil-mija għandhom immaġni negattiva tal-Unjoni Ewropea.

Dawn ix-xejriet pożittivi ġew irreġistrati wkoll fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tat-tkabbir li ħadu sehem fl-istħarriġ. Il-maġġoranza taċ-ċittadini jtendu jafdaw lill-Unjoni Ewropea, lill-Albanija (81 fil-mija), lill-Montenegro (75 fil-mija), lill-Kosovo (70 fil-mija), lill-Georgia (58 fil-mija), lill-Maċedonja ta’ Fuq u lill-Bożnija-Ħerzegovina (56 fil-mija kull wieħed), u lill-Moldova (52 fil-mija).

Fit-Turkija, 42 fil-mija taċ-ċittadini (4 punti perċentwali aktar mill-istħarriġ preċedenti) itendu jafdaw lill-UE, u fis-Serbja hemm 38 fil-mija (+2 punti perċentwali). 38 fil-mija tar-rispondenti mir-Renju Unit (+6 punti perċentwali) huma tal-istess fehma.

L-Ewropej iridu Unjoni Ewropea aktar b’saħħitha, aktar indipendenti u reżiljenti

Kważi sebgħa minn kull għaxar rispondenti (69 fil-mija) jaqblu li l-Unjoni Ewropea għandha biżżejjed setgħa u għodod biex tiddefendi l-interessi ekonomiċi tal-Ewropa fl-ekonomija globali. Bl-istess mod, 69 fil-mija jaqblu li l-Unjoni Ewropea hija post ta’ stabbiltà f’dinja mimlija inkwiet.

Skont l-Ewropej, is-sigurtà u d-difiża (33 fil-mija) għandhom ikunu l-qasam ewlieni ta’ prijorità għall-azzjoni tal-UE fuq terminu medju, segwit mill-migrazzjoni (29 fil-mija), l-ekonomija (28 fil-mija), il-klima u l-ambjent (28 fil-mija), u s-saħħa (27 fil-mija). Fl-istess ħin, 44 fil-mija taċ-ċittadini Ewropej jaħsbu li fuq terminu qasir, huwa l-iżgurar tal-paċi u tal-istabbiltà li jkollu l-akbar impatt pożittiv fuq ħajjithom, segwit mis-sigurtà tal-ikel, tas-saħħa u tal-provvisti industrijali fl-UE u l-ġestjoni tal-migrazzjoni (27 fil-mija għat-tnejn li huma).

Fir-rigward ta’ oqsma speċifiċi għall-azzjoni tal-UE fis-settur nadif, l-Ewropej jemmnu li, qabelxejn, l-UE għandha tagħti prijorità lill-enerġija rinnovabbli (38 %), segwita mill-investimenti fl-agrikoltura sostenibbli (31 fil-mija), l-infrastruttura tal-enerġija (28 fil-mija) u l-investimenti fit-teknoloġija nadifa (28 fil-mija).

Appoġġ għoli bla preċedent għall-euro u ottimiżmu dejjem akbar dwar l-ekonomija

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru rreġistra l-ogħla appoġġ li qatt kien hemm għall-munita unika, kemm fl-UE kollha kemm hi (74 fil-mija) kif ukoll fiż-żona tal-euro (81 fil-mija ).

Fir-rigward tal-perċezzjoni tas-sitwazzjoni tal-ekonomija Ewropea, 48 fil-mija tal-Ewropej (punt ogħla mir-rebbiegħa tal-2024) huma tal-fehma li hi tajba, filwaqt li 43 fil-mija (żieda ta’ żewġ punti) huma tal-fehma li hi ħażina. Il-perċezzjoni tas-sitwazzjoni tal-ekonomija Ewropea tjiebet b’mod kostanti mill-ħarifa tal-2019. Ammont imdaqqas ta’ ċittadini (49 fil-mija) jaħsbu li s-sitwazzjoni ekonomika Ewropea se tibqa’ stabbli fit-12-il xahar li jmiss.

Jibqa’ b’saħħtu l-appoġġ lill-UE għar-rispons tagħha għall-gwerra fl-Ukrajna

Fid-dawl tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, kważi 9 Ewropej minn kull 10 (87 fil-mija) jaqblu li jingħata appoġġ umanitarju lill-persuni affettwati mill-gwerra. 71 fil-mija taċ-ċittadini tal-UE jappoġġaw is-sanzjonijiet ekonomiċi fuq il-gvern Russu u l-kumpaniji u l-individwi Russi u 68 fil-mija jaqblu li jingħata appoġġ finanzjarju lill-Ukrajna.

Huma 6 minn kull 10 li japprovaw li l-UE tagħti status ta’ kandidat lill-Ukrajna u 58 fil-mija jaqblu li l-Unjoni Ewropea tiffinanzja x-xiri ta’ tagħmir militari u li tfornih lill-Ukrajna.

Il-gwerra fl-Ukrajna għadha titqies bħala l-aktar kwistjoni importanti fil-livell tal-UE (31 fil-mija) minn 15-il tema (segwita mill-immigrazzjoni f’livell ta’ 28 fil-mija u s-sitwazzjoni internazzjonali f’livell ta’ 22 fil-mija), filwaqt li 76 fil-mija tar-rispondenti Ewropej jaqblu li l-invażjoni Russa fl-Ukrajna hija theddida għas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea. B’kollox, ġew intervistati wiċċ imb wiċċ 26,525 ċittadin tal-Unjoni Ewropea. 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport