Is-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta huwa mistenni jikkontribwixxi bejn €4.8 u €5.3 biljun għall-Prodott Gross Domestiku tal-pajjiż sal-2035. Madankollu, il-ħtieġa li niżguraw li se jkollna l-ħiliet li hemm bżonn se tkun sfida kritika jekk irridu li dan is-settur jibqa’ jikber.
“Mingħajr strateġija koordinata biex nattiraw, inħarrġu u nżommu t-talent li għandna bżonn, ma nistgħux naspiraw li nkomplu nibnu dan is-settur u jekk dan ma jseħħx, Malta tista’ titlef il-pożizzjoni tagħha bħala ċentru finanzjarju internazzjonali kompetittiv,” qalet id-Dr Bernice Buttigieg, Chief Strategy Officer ta’ FinanceMalta.
Biex tkun indirizzata din l-isfida, il-Malta Financial Services Advisory Council ikkommisjona stħarriġ nazzjonali dwar it-talent li hemm u dak li hemm nieqes fis-settur. Dan huwa l-ewwel studju tax-xorta tiegħu li qatt sar. Għaldaqstant, is-sehem mill-industrija għadu baxx ħafna.
“Sa issa, 31 kumpanija biss għadha ħadet sehem,” żiedet id-Dr Buttigieg.
Fis-settur tas-servizzi finanzjarji, li bħalissa qed jikkontribwixxi 8.2% tal-Valur Miżjud Gross ta’ Malta, in-numru ta’ impjegati qed ikompli jikber b’mod kontinwu.
Statistika tal-MFSA turi kif l-għadd ta’ entitajiet li huma liċenzjati mill-MFSA żdied minn 2,073 fl-2020 għal 2,413 fl-2025, filwaqt li bejn il-2020 u l-2024, l-impjiegi żdiedu b’21.6%.
L-istħarriġ, li qed jitmexxa minn akademici fi ħdan l-Università ta’ Malta u li qed ikun finanzjat minn Identità, qed jesplora tendenzi fir-reklutaġġ ta’ impjegati, l-isfidi biex dawn l-impjegati jinżammu u ma jintilfux, nuqqas ta’ ċerti ħiliet u l-effettività ta’ skemi ta’ immigrazzjoni bħall-Blue Card, Key Employee Initiative u s-Single Permit.
“Il-miri ta’ Malta jistgħu jintlaħqu biss jekk nifhmu min huma l-persuni li qed jaħdmu f’din l-industrija, x’qed imexxi din l-industrija u x’inhuma n-nuqqasijiet li jista’ jkun hemm,” spjegat Dr Charmaine Portelli, Lecturer fil-Fakultà tal-Ekonomija, Management u Accountancy fl-Università ta’ Malta li qed tgħin f’dan l-istħarriġ.
Il-Professur Emanuel Said u Dr Daniel Gravino, Senior Lecturer mill-istess Fakultà u li huma wkoll involuti fir-riċerka, enfasizzaw ir-rwol tal-istudju fit-tfassil ta’ strateġija fit-tul għall-ħaddiema, u żiedu li l-għan ewlieni tar-riċerka huwa fuq Third Country Nationals li qed ikomplu jieħdu rwoli speċjalisti fil-banek, fil-fintech u fl-assigurazzjoni.
“Dan il-mapping tal-impjiegi ta’ TCNs skont il-funzjoni u l-livell ta’ anzjanità se jgħin lill-awtoritajiet u lill-industrija jifhmu aħjar fejn qed immorru tajjeb u fejn hemm bżonn li nissaħħu f’termini ta’ talent,” qalu.
Malta qed tikkompeti direttament ma’ ċentri finanzjarji Ewropej stabbiliti għal professjonisti b’ħiliet għoljin.
“Iżjed ma nattiraw talent tajjeb, u iżjed ma nifhmu liema talent hemm bżonn li nattiraw, iżjed nistgħu inkomplu nkabbru l-industrija tas-servizzi finanzjarji biex Malta tkompli tikseb vantaġġ kompetittiv,” qalet Dr Buttigieg.
Dan l-aħħar, il-gvern Malti nieda Regoli għal Persuni b’Ħiliet Għoljin, regime ta’ taxxa preferenzjali li joffri rata ta’ 15% fuq id-dħul ta’ xogħol li jikkwalifika għall-professjonisti ewlenin f’setturi differenti inkluż is-servizzi finanzjarji.
L-impjegati eliġibbli għandhom jilħqu kriterji speċifiċi, inkluż salarju annwali minimu ta’ €65,000, kwalifiki professjonali relevanti u rwoli speċjalizzati fi ħdan l-organizzazzjonijiet tagħhom. Dawn il-pożizzjonijiet spiss jimlew in-nuqqas ta’ ħiliet f’ċerti setturi.
“Din l-inċentiva tibgħat messaġġ ċar li Malta hija serja dwar li tattira l-aqwa talent internazzjonali,” żiedet tgħid Bernice Buttigieg filwaqt li saħqet li miżuri bħal dawn jikkumplimentaw skemi ta’ immigrazzjoni u pjanifikazzjoni usa’ tal-ħaddiema b’mod li dan jappoġġja l-istrateġija ekonomika fit-tul tal-pajjiż skond Vision 2050.
L-istudju mistenni jitlesta sa Ġunju ta’ din is-sena, iżda l-effettività tiegħu se tiddependi ħafna fuq il-parteċipazzjoni usa’ tal-industrija.
“Il-kumpaniji kollha tas-servizzi finanzjarji hemm bżonn jifhmu li dan mhux sempliċi eżerċizzju akkademiku iżda opportunità għall-industrija nfisha biex tgħin fit-tfassil ta’ strateġija tal-ħaddiema ta’ Malta,” temmet tgħid Dr Buttigieg.
B’parteċipazzjoni qawwija mill-kumpaniji fis-settur biss jista’ jkun hemm studju li jipprovdi biżżejjed informazzjoni li tappoġġja politika bbażata fuq evidenza sabiex ikun żgurat li Malta tkompli tattira u żżomm it-talent internazzjonali meħtieġ biex iżżomm postha bħala ċentru finanzjarju kompetittiv u lest għall-futur.
Informazzjoni aktar dettaljata se tkun disponibbli fuq il-websajt ta’ FinanceMalta www.financemalta.org fil-ġranet li ġejjin.


