Saturday, December 21, 2024

Stħarriġ tal-FIFPRO juri oppożizzjoni għat-Tazza tad-Dinja kull sentejn

Aqra wkoll

Stħarriġ mill-union dinjija tal-players, FIFPRO, u l-għaqdiet nazzjonali tal-players sab li 75% tal-players irġiel iridu li t-Tazza tad-Dinja tibqa’ tintlagħab kull erba’ snin.

Il-FIFA qed tipproponi li tnaqqas id-distakk bejn it-tournaments tagħha għal sentejn bħala parti minn kalendarju mġedded.

L-istħarriġ kopra aktar minn 1,000 player f’sitt kontinenti ta’ aktar minn 70 nazzjona­lità.

Sabet ukoll li l-biċċa l-kbira tal-players jikklassifikaw it-Tazza tad-Dinja u l-kampjonat domestiku tagħhom bħala l-kompetizzjoni­jiet favoriti tagħhom.

Skond l-istħarriġ, 77% tal-players kemm fl-Ewropa kif ukoll fl-Asja appoġġaw iż-żamma tal-iskeda attwali, u niżel għal 63% fl-Amerikas u 49% fost il-players Afrikani.

Il-kumplament kienu maqsuma bejn il-logħob tat-tournament kull sentejn jew tlieta.

Madankollu, fi stqarrija, FIFPRO irriko­noxxiet li “teżisti domanda, partikolarment fi swieq iżgħar u ta’ daqs medju, biex tkompli tiżviluppa u ssaħħaħ il-kompetizzjonijiet tat-timijiet nazzjonali”.

Ftit aktar minn erbgħa minn kull ħames players (81%) ikklassifikaw jew il-kampjonat domestiku tagħhom jew it-Tazza tad-Dinja, fiċ-ċiklu attwali tagħha ta’ erba’ snin, bħala l-kompetizzjoni favorita tagħhom.

L-istħarriġ sab ukoll li 21% biss tal-players jemmnu li l-vuċi tagħhom hija rispettata u l-benesseri tagħhom huwa kkunsidrat b’mod adekwat meta niġu għall-governanza tal-football internazzjonali.

Is-segretarju ġenerali tal-FIFPRO, Jonas Baer-Hoffmann, qal: “L-istħarriġ tal-players juri li l-biċċa l-kbira tagħhom madwar id-dinja għandhom preferenza ċara li jilagħbu t-Tazza tad-Dinja kull erba’ snin.

“Fl-istess ħin, ir-riżultati juru l-importanza tal-kompetizzjonijiet tal-kampjonati domestiċi għall-players. Dawn il-kampjonati huma l-pedament tal-logħba tagħna u rridu nagħ­mlu aktar biex insaħħuhom kemm għall-ġid tal-players kif ukoll għall-istabbiltà ġenerali tal-football professjonali.

“Dan l-istħarriġ jenfasizza l-ħtieġa għal aktar oqsma ta’ negozjar kollettiv fl-industrija tagħna, speċjalment fil-livell internazzjo­nali.”

Il-pjani tal-FIFA għal kalendarju mġedded li jidħol fis-seħħ mill-2024 diġà ltaqgħu ma’ oppożizzjoni konsiderevoli minn korpi Ewropej oħra, bil-UEFA, l-European Club Association u l-European Leagues joħorġu kon­trihom.

Il-president tal-UEFA, Aleksander Cefe­rin, qal li n-nazzjonijiet Ewropej jistgħu jib­bojkottjaw it-Tazzi tad-Dinja biennali, filwaqt li l-ġimgħa li għaddiet il-kap eżekuttiv tal-Football Association, Mark Bullingham, qal li l-organizzazzjoni tiegħu ma taħsibx li t-Tazzi tad-Dinja biennali fil-logħba tal-irġiel jew tan-nisa kienu idea tajba, u li ma jaħsibx li l-pjani jitwettqu.

Madankollu, il-President tal-FIFA, Gianni Infantino, f’Diċembru qal li jibqa’ kunfidenti li jista’ jintlaħaq kunsens dwar il-pjani għal kalendarju rivedut.

Ekonomija

Sport