Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-isport?
Dejjem kelli passjoni kbira għall-isport, stil ta’ ħajja attiva u x-xewqa li nimmotiva lil ħaddieħor biex ikun l-istess. Inħobb ħafna lit-tfal u għalhekk iddeċidejt li nsir għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika, għax stajt ngħaddi dak li nħobb lill-ġenerazzjoni żagħżugħa. Minbarra dan, dejjem xtaqt nimmotiva lill-adulti li jgħixu stil ta’ ħajja impenjattiv u nħeġġiġhom iżommu ruħhom f’forma, u għalhekk nagħmel sessjonijiet ta’ personal training part-time.
Int tagħti ħafna importanza lil nutrizzjoni xierqa fl-isport. Iżda int tipprattika xi tip ta’ sport?
Iva jien nemmen li n-nutrizzjoni hija importanti ħafnaspeċjalment meta tkun persuna attiva. Jien kont nipprattika ż-żfin għal 20 sena. Madankollu, illum il gurnata nipprova insib ċans immur noġri jew immur sal gyn kuljum. Nemmen li ż-żfin għenni ħafna biex inkun konxja ta’ x’jiġifieri tgħix ħajja attiva u kif!
Naf illi għamilt studju partikolari fuq dan is-suġġett. Kemm għen lilek u lin-nies ta’ madwarek?
Nemmen li n-nutrizzjoni hija importanti ħafna għal kull persuna, kemm żgħira kif ukoll kbira fl-età. Bħala personal trainer li nispeċjalizza wkoll fit-taħriġ qabel u wara t-tqala, nemmen li huwa importanti u responsabbiltà tiegħi li niggwida lin-nies fuq vjaġġ ta’ ħajja b’saħħitha. L-istudji tiegħi għenuni u tawni l-aqwa għarfien meħtieġ biex niżgura li ngħin lin-nies bl-aħjar mod possibbli.
Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol u mal-familja?
Żgur li mhux faċli li wieħed jimmaniġġja xogħol full-time, xogħol part-time, it-trobbija ta’ familja u li kollox jimxi bla xkiel. Dejjem nemmen li l-immaniġġjar tal-ħin huwa essenzjali. Nipprova nagħmel it-taħriġ tiegħi fil-5 ta’ filgħodu qabel nibda x-xogħol, sabiex wara x-xogħol nista’ niffoka fuq il-klijenti tiegħi u fuq binti. Nemmen li l-appoġġ tal-familja tiegħi u ta’ żewġi huwa kruċjali f’dan kollu, u mingħajrhom ma jkunx possibbli li inlahhaq kollox.
Tinkwetak il-fatt illi hawn rata għolja ta’ obeżità f’Malta?
Iva, tinkwetani li Malta hija elenkata bħala pajjiż b’rata għolja ta’ nies obeżi. Nemmen li għandna nkomplu naħdmu fuq il-ħolqien ta’ aktar għarfien dwar l-importanza ta’ stil ta’ ħajja b’saħħtu, iżda fl-istess ħin nemmen li sar progress f’dan ir-rigward.
Ċerti ġenituri jsostnu illi l-lezzjoni tal-edukazzjoni fiżika mhux importanti minħabba illi jagħtu mportanza ikbar lejn il-lat akkademiku. X’inhi r-risposta għal dan ir-raġunament li xejn m’hu tajjeb?
Sfortunatment din hija mentalitá li nixtieq niġġildilha. Bħalapersuna li studjajt f’dan il-qasam, nixtieq ħafna li l-ġenituri jaraw l-importanza li ġġib magħha l-edukazzjoni fiżika fuq it-tfal kemm fuq is-saħħa fiżika kif ukoll dik mentali. Xi kultant nagħtu importanza lis-suġġetti akkademiċi għax nemmnu li fil-ħajja, it-tfal jirnexxu biss jekk jibbrillaw f’dawn is-suġġetti. Huwa vera li dawn is-suġġetti huma importanti peról-edukazzjoni fiżika hija importanti daqshom jekk mhux iktar. Ir-raġunament tiegħi għal dan huwa li t-tfal illum il-ġurnata iqattgħu ħafna ħin bilqiegħda u b’hekk l-edukazzjoni fiżika tgħinhom biex jiffriskaw moħħhom u jiċċaqalqu naqra; b’hekk ikunu jistgħu jerġgħu jikkonċentraw x’ħin jidħlu fil-klassi. Barra minn hekk, waqt il-lezzjoni tal-edukazzjoni fiżika it-tfal jitgħallmu dwar x’jiġifieri tkun attiv u kif għandek tgħix ħajja sana. Jien nemmen li t-tfal għandhom ikollhom iktar lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika għax dan jgħinhom għas-saħħa mentali u fiżika tagħhom.
Fejn tarak minn hawn u ħames snin oħra?
Fil-ħames snin li ġejjin, nittama li nkompli nimmotiva lin-nies biex jagħmlu eżerċizzju, ikunu b’saħħithom u jmexxu stil ta’ ħajja b’saħħtu. Fl-istess ħin, nixtieq inkompli naħdem mal-istudenti biex inħeġġeġ lit-tfal jieħdu sehem fl-isport wara l-ħin tal-iskola. Inħoss li huwa d-dmitr tiegħi li ngħallimhom kemm nista’ u ngħinhom jispikkaw fl-isport u li wara l-lezzjoni dejjem jitilqu kuntenti. B’dan kollu f’moħħi, irrid niżgura li nkompli ninvesti fija nnifsi biex dejjem inkompli nitjieb, inżomm ruħi aġġornata ma’ kull għarfien ġdid u niżgura li nipprovdi l-aħjar kemm għall-klijenti tiegħi kif ukoll għall-istudenti tiegħi.
Int li għandek filosofija partikolari dwar in-nutrizzjoni fl-isport u li tgħix ħajja attiva, x’inhuwa l-messaġġ ewlieni illi tixtieq twassal?
Nemmen li stil ta’ ħajja b’saħħita mhux biss tinvolvi moviment, iżda tikkonsisti wkoll dwar dak li tiekol matul l-istadji kollha tal-ħajja. Nixtieq inkompli naħdem biex nenfasizza kemm huwa importanti li wieħed jiekol dieta sana u bilanċjata, li tibda minn età żgħira ħafna. L-ippjanar tal-ikliet u li tkun infurmat dwar dak li tiekol huma kruċjali biex tiżgura li tmexxi stil ta’ ħajja b’saħħita, filwaqt li fl-istess ħin tiżgura li tidħol f’xi forma ta’ attività fiżika, tkun fejn tkun. Kollox huwa possibbli sakemm tkun motivat biex tagħmlu.

