Sunday, February 15, 2026

Stima, għożża u l-aqwa kura għall-anzjani tagħna

Malcolm Paul Agius Galea - Segretarju Parlamentari

Aqra wkoll

Is-suċċess tagħna ma jitkejjilx biss bil-politika li nfasslu iżda bir-riżultati li niksbu. Nemmen bi sħiħ li l-anzjanità attiva hija ikkaratterizzata minn parteċipazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet li lkoll flimkien irawwmu soċjetà fejn l-anzjani jkunu benefiċjarji tas-servizzi fl-istess waqt li jħaddnu rwol attiv fil-ħajja ekonomika, soċjali u kulturali tal-pajjiż. Is-suċċess tagħna jitkejjel bl-anzjan li jħossu appoġġat fil-komunità tiegħu; jitkejjel bl-anzjana li tħoss li għadha parti attiva u stmata fis-soċjetà. 

Eżempju forzi żgħir imma sinifikanti ħafna fil-kuntest tal-anzjanità attiva fil-komunità huwa s-servizz tal-handyman. Dan l-aħħar fil-Parlament kelli l-opportunità nitfa’ dawl fuq dan is-servizz li huwa fost l-għexieren ta’ servizzi disponibbli mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. 

Is-servizz tal-handyman huwa eżempju ċar tad-daqqa t’id prattika li qed tiġi provduta lill-anzjani tagħna u lill-persuni bi bżonnijiet speċjali; ħolqa oħra f’kullana ta’ servizzi intiżi sabiex dawn jibqgħu jgħixu b’mod indipendenti fi djarhom. Ħarsa lejn l-2025 turi li dan is-servizz esperjenza espansjoni notevoli ferm meta kkomparat mas-sena preċedenti. Dan hekk kif in-numru ta’ klijenti ġodda li bdew jagħmlu użu mis-servizz tal-handyman irreġistra żieda mpressjonanti: minn 1,158 fis-sena 2024 ghal 2,011 fis-sena 2025 li tfisser tkabbir ta’ ftit inqas minn 74%. Servizz ieħor li jilħaq lill-anzjani tagħna, jagħmlilhom ir-rutina ta’ kuljum aktar faċli, isolvilhom problemi żgħar jew kbar li jistgħu jinqalgħulhom fi djarhom minn jum għall-ieħor, ma jistax ma jagħtinix sodisfazzjoni u jimlini b’kuraġġ għal aktar u aktar ħidma sfieqa b’risq support li huwa aċċessibbli u affidabbli.

U bl-istess determinazzjoni li qed nirsistu fil-qasam soċjali, qed nahdmu wkoll fil-qasam tal-kura. Kien f’dan l-ambitu li kważi sentejn ilu, f’April 2024, f’San Vincenz de Paul infetħet sala li kienet l-ewwel waħda tan-natura tagħha f’pajjiżna. Din is-sala bdiet toffri dik li sejjaħnilha Intermediate Care; kura li tirrikjedi impenn mediku aktar intensiv minn dak li jingħata fil-komunità imma fejn jistgħu jiġu evitati ammissjonijiet ġewwa l-Isptar Mater Dei. Sa tmiem l-2024 il-qasam tal-Intermediate Care ġewwa San Vincenz de Paul ra ‘l fuq minn 100 pazjent u grazzi għal aktar tkabbir fl-infrastruttura u fir-riżorsi s’issa ġew ammessi mal-430 pazjent anzjan/a. Il-benefiċċji immedjati għall-anzjani li qed jiġu kkurati f’dawn is-swali tal-Intermediate Care huma diversi. Ewlieni fosthom huwa l-fatt li l-anzjani qed jiġu kkurati minn tim speċifikament speċjalizzat fil-gerjatrija, li jagħraf iwieżen u jevalwa eżatt l-esigenzi speċjali tal-pazjent anzjan/a u jindirizzahom fil-kuntest ta’ qafas multi-dixxiplinarju wkoll speċjalizzat fil-ġerjatrija. 

Dan iċ-ċiklu ta’ kura ġewwa dawn is-swali tal-Intermediate Care qed iwassal biex mal-94% tal-pazjenti kkurati f’dawn is-swali jirkupraw saħħithom tant tajjeb li jkunu jistgħu jerġgħu jagħmlu ritorn sħiħ lura fil-komunità sabiex jissoktaw bl-attività tagħhom mal-familjari u l-għeżież tagħhom. Storja ta’ suċċess li tqawwilna qalbna u tikkonvinċina nimmiraw għal iktar. Huwa proprju għalhekk li fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qed nippubblikaw sejħa sabiex is-settur privat jissieħeb magħna fi proġett ambizzjuż li jinkludi l-bini ta’ sptar speċjalizzat fil-kura ġerjatriku, sptar ta’ 350 sodda mfassal apposta sabiex jikkura l-kundizzjonijiet u sitwazzjonijiet mediċi li jolqtu lill-anzjani tagħna. Dan l-isptar huwa maħsub li jkun intiż apposta sabiex jirreplika u jkabbar l-istorja ta’ suċċess tas-swali pilota ta’ Intermediate Care li preżentement jinsabu ġewwa San Vincenz de Paul.

Pajjiżna, bħal ħafna oħra, qed jiffaċċja realtà demografika ġdida. Popolazzjoni li qed tixjieħ tfisser aktar esperjenza, aktar għerf u aktar kontribut lejn is-soċjetà. Iżda tfisser ukoll aktar responsabbiltà kollettiva biex niżguraw li l-anzjani tagħna jgħixu ħajja b’saħħitha, indipendenti, attiva u dinjituza. Huwa f’dan il-kuntest li qed naħdmu b’mod strateġiku u strutturat biex insawwru politika li ma tkunx biss reazzjoni għall-isfidi, iżda viżjoni fit-tul għal futur sostenibbli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport