Wednesday, October 9, 2024

STL Technologies testendi l-appoġġ tagħha għal-LifeCycle Challenge 2023

Aqra wkoll

STL Technologies ingħaqdet mal-LifeCycle Malta Foundation, l-għaqda volontarja li taħdem fil-qasam tas-saħħa tal-kliewi f’Malta, bħala waħda mill-isponsors Platinum Plus tal-LifeCycle Challenge 2023. Fl-isfida ta’ din is-sena, iktar minn 20 ċiklist se jivvjaġġaw distanza ta’ 2,000 kilometru fuq ir-rota, minn Bangkok fit-Tajlandja għal Kuala Lumpur fil-Malasja, bejn it-23 ta’ Novembru u t-8 ta’ Diċembru.

Minbarra li toffri s-sapport permezz tal-kompetenza fil-qasam diġitali u teknoloġiku, id-donazzjoni ta’ STL Technologies se tmur prinċipalment għall-finanzjament tat-TRACCIA Software Support System, li huwa s-software użat fir-Renal Unit tal-Isptar Mater Dei għat-tqabbil tad-donaturi tal-kliewi mal-pazjenti li huma medikament kompatibbli fost dawk li qed jistennew trapjant. 

STL Technologies hija diġa familjari mal-LifeCycle Challenge peress li l-ko-fundatur u CEO tagħha Joe Aquilina ilu involut b’mod attiv mal-LifeCycle (Malta) Foundation għal numru ta’ snin u din is-sena se jkun qed jipparteċipa f’din l-isfida bir-roti għar-raba’ darba. 

F’kumment dwar id-deċiżjoni ta’ STL Technologies biex tappoġġja din il-kawża, Aquilina qal: “Bħala kumpanija ewlenija li topera fl-industrija tat-teknoloġija, settur dedikat għall-bidla u l-iżvilupp, STL Technologies tista’ tirrelata profondament ma’ inizjattivi li jippromwovu bidla pożittiva. Billi nappoġġjaw lil-LifeCycle (Malta) Foundation, aħna naspiraw li nespandu l-impatt tagħna bħala kumpanija lil hinn mill-oqsma diġitali u intraprenditorjali, għal dak li jagħmel direttament parti mill-qalba tas-soċjetà Maltija – is-saħħa u l-benessri tagħna stess.”

F’Malta, il-mard kroniku tal-kliewi jolqot persuna minn kull għaxra, bi 364 pazjent fuq il-haemodialysis u l-peritoneal dialysis fi tmiem l-2022. Madwar 20-25 trapjant tal-kliewi jsiru f’Malta kull sena. 

Il-Fondazzjoni LifeCycle (Malta) tibqa’ l-unika organizzazzjoni volontarja li tiġbor fondi biex tappoġġja lill-pazjenti tal-kliewi f’Malta u Għawdex, biex tgħin tiffinanzja r-riċerka fil-mard tal-kliewi u tqajjem kuxjenza dwar is-saħħa tal-kliewi.

Bl-għajnuna tal-isponsors tagħha, iċ-ċiklisti, it-tim organizzattiv u ta’ appoġġ, u r-rispons ġeneruż tal-pubbliku, LifeCycle (Malta) Foundation qed timmira li tiġbor madwar Eur200,000 permezz tal-isfida ta’ din is-sena.

Donazzjonijiet lil-LifeCycle (Malta) Foundation jistgħu jsiru permezz tar-Revolut fuq 9932 9101, permezz ta’ PayPal mil-link: https://buff.ly/35g17CC jew billi wieħed jibgħat SMS: 5061 7370 għal donazzjoni ta’ €2.33; 5061 8920 għal €6.99; 5061 9229 għal €11.65. Wieħed jista’ wkoll iċempel fuq 5160 2020 għal donazzjoni ta’ €10; 5170 2005 għal €15; u 5180 2006 għal €25.  

Donazzjonijiet permezz ta’ trasferiment bankarju jistgħu jsiru permezz tal-kodiċi Swift VALLMTMT, IBAN MT 18 VALL 22013000000014814521017. L-isem tal-bank huwa Bank of Valletta, u n-numru tal-kont huwa 14814521017.

Il-LifeCycle (Malta) Foundation hija reġistrata mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji – VO/0529

Għal aktar informazzjoni żur https://lifecyclefoundation.com jew https://www.facebook.com/LifeCycleChallenge 

Sport