Wednesday, March 4, 2026

Storiku Ingliż jgħid li “meta tara l-fatti nistgħu nkunu ċerti li seħħ f’Malta” (1)

In-nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta jew Mljet?…

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Skużani, fejn hi l-grotta ta’ San Pawl?”. Ma setgħetx tkun taf liema hi għax il-bieb kien għadu magħluq. Naqbdu parlata proprja ftit passi bogħod mill-entratura.  “Allura fil-grotta, kien jgħix jew kien priġunier?”. Jaqbeż ir-raġel tagħha u jgħidli li “jien kont qrajt x’imkien li mhux f’Malta inkalja imma fi gżira oħra qrib il-Greċja?”.  Jingħaqdu xi persuni oħra, ukoll li kien qegħdin jistennew biex tiftaħ. Wieħed minnhom jgħidli “hawn xi dokument li juri li kien jgħix hawn?”. Pront jingħata tweġiba li “il-Papiet dejjem ġew hawn meta żaru Malta”. Ieħor jistaqsi li qatt ma jista’ jifhem kif fl-Atti tal-Appostli tissemma’ l-lifgħa u l-ħsieb ta’ dawk preżenti li kien se jintefaħ u jmut minħabba l-gidma. “Kif beżgħu jekk m’hawnx sriep velenużi?”.  Id-diskussjoni tiżvolġi.  “Għax hemm Malta oħra. Kien hemm gżira oħra jisimha Malta ukoll”, tgħid persuna oħra. Pront ikun hemm ieħor jikkoreġiha. 

“Mhux Malta kien jisimha. Melite kien jisimha dakinhar. Kien hemm żewġ gżejjer jisimhom Melite, illum waħda hi Malta u l-oħra Mljet.”

Xi ħadd ieħor jgħid ”li ma nistax nifhem f’din il-ġrajja hi kif San Pawl kien priġunier fuq il-ġifen u spiċċa jdur ma’ Malta jgħallem?”.  ‘U jekk Publiju kien il-gvernatur u kkonvertieh, ma setax iffrankalu li jmur għal ħaqq f’Ruma?”.  Tinfetaħ il-grotta u ninżlu fiha u d-diskussjoni tkompli anki b’interventi minn membri tal-kleru.

Il-ġrajja ta’ San Pawl minn dejjem ħolqot diskussjoni u minn żmien għal żmien ħarġu għadd ta’ teoriji. Qegħdin nitkellmu fuq ġrajja li tissemma’ fl-Atti tal-Appostli u li hi marbuta ma’ pajjiżna. Leġġendi,  tradizzjonijiet, kappelli, niċeċ, postijiet imsemmija għal dan l-appostlu flimkien mal-letteratura u l-festi juru r-rabta li din il-ġrajja kellha ma’ pajjiżna. Ġrajja li rridu ngħidu, li kien hemm żmien meta beda jinġab argument li n-nawfraġju tal-ġifen li kien fuqu San Pawl ma seħħx f’Malta imma fi gżira li tinsab fl-Adrijatiku, Mljet. 

L-istoriku Caleb Howells jidħol fl-istorja tan-nawfraġju…                              konferma oħra li m’hemm ebda dubju li nawfraġju seħħ f’Malta

Proprju ftit tax-xhur ilu, l-istoriku Caleb Howells tkellem dwar in-nawfraġju. Bħal storiċi oħra qablu, stħarreġ jekk in-nawfraġju ta’ San Pawl seħħx f’Malta jew Mljet. Howells m’għandu bżonn ebda introduzzjoni u hu magħruf bħala storiku  b’interess qawwi fil-Brittanja tal-qedem u d-dinja Mediterranja.  Magħruf għall-investigazzjonijiet fuq miti u leġġendi.

Howells jiddikjara f’kitba li ppubblika li “hemm rakkont ta’ San Pawl li esperjenza nawfraġju drammatiku fi triqtu lejn Ruma u li hu msemmi fil-Ktieb tal-Atti tal-Appostli tal-Bibbja. Il-fehma tradizzjonali hija li l-gżira li wasal fiha kienet Malta, u hemm tradizzjonijiet lokali estensivi dwar Pawlu f’Malta llum. Madankollu, teorija alternattiva ssostni li mar fuq gżira kompletament differenti, liema gżira tinsab bejn l-Italja u l-Greċja.”

Howells jiddikjara li “dan ir-rakkont jinstab fil-kapitlu 27 tal-Ktieb tal-Atti. F’dan il-passaġġ jingħad li r-Rumani ħadu lil Pawlu bħala priġunier biex jidher quddiem Ċesari f’Ruma. Wara li esperjenzaw temp mhux favorevoli ħdejn il-kantuniera tal-Lbiċ tal-Anatolja, daru lejn in-nofsinhar u qasmu l-kosta tan-nofsinhar ta’ Kreta. Qabel ma waslu fil-port ta’ Phoenix tul dik il-kosta, bdiet tiżviluppa maltempata. Ir-rakkont jirreferi għal dan bħala l-‘Euraquilo’. Dan imbotta l-ġifen b’mod vjolenti barra mir-rotta lejn il-Lbiċ. Il-maltempata kompliet tħabbat il-ġifen għal 14-il jum u lejl. Fl-aħħar il-ġifen nkalja fi gżira. Pawlu u l-oħrajn qabżu l-baħar u għamu lejn ix-xatt. Fil-bidu tal-kapitlu 28, ir-rakkont jgħidilna li l-gżira kienet tissejjaħ Melite. Ħafna traduzzjonijiet tal-Bibbja jittraduċu dan bħala ‘Malta’, peress li Melite kien tabilħaqq l-isem antik għal Malta.”

Howells jirreferi għal dik li sejjaħ bħala teorija kontroversjali li tpoġġi n-nawfraġju ta’ Pawlu li seħħ mhux f’Malta iżda fuq gżira qrib il-Greċja.  Din il-gżira llum tissejjaħ Mljet fil-Baħar Adrijatiku, eżatt barra l-kosta tal-Kroazja. Fi żminijiet antiki, kienet magħrufa bl-isem Grieg ta’ Melite, li jfisser “għasel,” simili għall-isem antik ta’ Malta. Għalhekk, ibbażat biss fuq l-isem, x’aktarx li hija l-gżira ta’ Pawlu daqs kemm hija Malta. Il-gżira ġiet deskritta għall-ewwel darba mill-esploratur Grieg tal-qedem Scylax ta’ Caryanda fis-6 seklu QK. F’żewġ testi, hi msemmija Melite, isem appoġġjat ukoll mill-awtur Grieg tal-qedem Apollonius ta’ Rodi. Matul is-sekli l-isem evolva biex sar l-isem Slav ta’  Mljet.” L-istoriku Howells jiddikjara li “fir-rakkont tat-tempesta fuq il-baħar, il-Ktieb tal-Atti jiddikjara li l-ġifen ta’ Pawlu kien qed jiġi mitfugħ ’l hemm u ’l hawn fuq il-“Baħar ta’ Adria.” “Baħar Adrijatiku” tkun traduzzjoni oħra tal-isem.  Malta, naturalment, hija ’l bogħod ħafna mid-daħla tal-Baħar Adrijatiku, li hu l-baħar li llum hemm jinsab bejn l-Italja u l-Balkani. Mljet, min-naħa l-oħra, taqbel perfettament ma’ dan il-post. Din hija waħda mill-evidenzai primarji li xi riċerkaturi jużaw biex jargumentaw li Malta ma tistax tkun il-post li fih seħħ in-nawfraġju.”

Il-Baħar Adrijatiku tal-qedem

L-istoriku jgħidilna li “din l-oġġezzjoni komuni għal Malta bħala s-sit tan-nawfraġju, tiflaħ għall-iskrutinju? Fi kliem sempliċi, ngħid li le. Ir-raġuni hija li l-espressjoni “Baħar ta’ Adria” jew “Baħar Adrijatiku” kellha applikazzjoni ferm aktar wiesa’ fl-Ewwel Seklu Wara Kristu. Il-ġeografi tal-qedem użaw dan it-terminu biex jindikaw iż-żona kbira ta’ baħar miftuħ bejn Kreta u Sqallija. Xi rekords jiddistingwu bejn din iż-żona ta’ ilma u l-Baħar Adrijatiku tal-lum billi jirreferu għal dan tal-aħħar bħala l-”Golf Adrijatiku”. Eżempju wieħed tal-użu aktar wiesgħa  tat-terminu “Baħar Adrijatiku” jidher fil-kitbiet ta’ Pausanias. Huwa kien ġeografu tat-Tieni Seklu WK. Pausanias ipprovda deskrizzjoni dettaljata tal-gżira ta’ Sqallija. Meta ddiskuta l-Istrett ta’ Messina, huwa nnota li naħa waħda tal-istrett tmiss mal-Baħar Tirren, filwaqt li l-oħra tmiss mal-Baħar Adrijatiku. Dan l-użu jirrikjedi li l-Baħar Adrijatiku jkun imur dritt sa Sqallija. Ħafna eżempji oħra ta’ użu bħal dan jidhru f’rekords antiki minn din l-era. Għalhekk, kien korrett li tirreferi għal Malta bħala li tinsab fil-Baħar ta’ Adria, jew il-Baħar Adrijatiku.”

Ir-rotta tal-ġifen ta’ Pawlu… ir-riħ ‘Euraquilo’… ifisser mil-Lvant għall-Grigal

Howells jiddikjara li “konsiderazzjoni mill-aktar importanti hi r-rotta tal-ġifen, li fuqha kien qed jivvjaġġa Pawlu. L-isem għar-riħ waqt li l-ġifen kien qed ibaħħar kien deskritt bħala ‘Euraquilo’. Dan jikkombina l-Grieg u l-Latin, u jirreferi speċifikament għal riħ mil-Lvant għall-Grigal. Il-maltempata kienet se tkun mexxiet il-ġifen lejn il-kosta tat-Tramuntana tal-Afrika mill-kosta tan-Nofsinhar ta’ Kreta. Dan jaqbel man-narrattiva, peress li jindika l-biża’ tal-ekwipaġġ li jegħrqu fis-Sirtis, reġjun magħruf għal baħar baxx bir-ramel u li jinsab bejn Cirene u Kartaġni.

Jgħid ċar u tond li “b’din id-direzzjoni ġenerali f’moħħna, huwa kompletament impossibbli li l-ġifen ivvjaġġa ’lfuq lejn il-Baħar Adrijatiku tal-lum fejn hemm  il-gżira ta’ Mljet.”

Howells jgħid li “mill-banda l-oħra, Malta tagħmel sens ġeografiku perfett. Filwaqt li  tinsab fil-Punent ta’ Kreta aktar milli fil-Lbiċ, dan huwa konsistenti mal-fatti. L-ekwipaġġ kien qed jipprova jevita li jolqot is-Sirtis. Il-vapur kien ikun angolat biex iżomm direzzjoni lejn it-tramuntana kemm jista’ jkun, bit-tempesta primarjament timbottahom lejn il-Punent. Għalhekk, meta wieħed iqis il-fatti, nistgħu nkunu ċerti li Pawlu esperjenza nawfraġju f’Malta, mhux fil-gżira ta’ Mljet” jiddikjara Howells.

Imma eżattament kif bdiet il-kontroversja dwar jekk in-nawfraġju seħħx f’Malta jew f’Mljet

Jekk wieħed ikollu jirriċerka dwar l-ewwel kitbiet dwar in-nawfraġju u fejn seħħ isib li l-ewwel kittieb magħruf li għaqqad l-isem tal-Appostlu Pawlu mal-gżira ta’ Mljet fid-Dalmazja kien Kostantinu VII Porphyrogeniutus, Imperatur Biżantin li għex bejn is-sena 945 u 959 Wara Kristu. Fix-xogħol tiegħu ‘De Administrando Imperio’ jitkellem dwar il-‘pagani’ li fid-djalett Serb kienu dawk mhux mgħammdin u li kienu stabbilixxew fid-Dalmazja. Jgħid li dawn il-‘pagani’ fid-djalett Ruman jissejħu bħala l-‘Arantani’, li għandhom il-pussess tal-gżira ta’ Meleta.  Jgħid li “kien hawn li lifgħa qabdet ma’ id San Pawl, u hu tefagħha fin-nar”. 

Din il-kwotazzjoni mill-Imperatur Biżantin tassumi li fl-aħħar fis-seklu għaxra kien hemm tradizzjoni kurrenti f’Kostantinopli li n-nawfraġju tal-Appostlu seħħ fl-Adrijatiku aktar milli f’Melite Africana – li kienet Malta. Jidher imma li mis-Seklu Għaxra sal-bidu tas-Seklu Tmintax ma kien hemm l-ebda evidenza letterarja tat-tradizzjoni fid-Dalmazja. 

Wieħed minn dawk li imbotta l-każ favur Mljet, jiġifieri li nawfraġju ta’ San Pawl seħħ hemm u mhux f’Malta kien Patri Ignjat Đurđević, iddeċieda li jiddokumenta kemm it-tradizzjoni orali kif ukoll dik miktuba, u ppubblika ‘San Pawl l-Appostlu Nawfragat’. Kien hemm anke l-kittieb Ingliż, Bryant Jacob, li ppubblika ktieb fis-sena fl-1776, u argumenta fuq id-deskrizzjoni tar-riħ u jirrepeti in-narrattiva li l-ġifen ma setax ġie imbuttat lejn pajjiżna.

Gan Franġisk Abela iġġieled dik in-narrattiva b’argumenti sodi

In-narrattiva li bdiet titmexxa fis-sbatax-il seklu u l-kontroversja jekk in-nawfraġju sarx f’Malta jew f’Mljet, kien wassal biex l-istoriku Gan Franġisk Abela iwaqqa’ din it-teorija. Hu kien qassis u Viċi-kanċillier tal-Ordni ta’ San Ġwann li, flimkien mal-knisja, ħeġġew “tradizzjonijiet” li żiedu l-fama ta’ Malta  bħala bastjun tal-Kristjaneżmu sa minn żminijiet appostoliċi.  

Gan Franġisk Abela stħarreġ u attakka fatt importantissimu. Dan kien dak li fil-gżira ta’ Mljet m’hemmx tradizzjoni marbuta ma’ San Pawl kif kien hawn f’pajjiżna. Hu sfrutta dan bħala argument favur Malta. 

Hu kien iddikjara li “qatt ma kien hemm traċċi jew tifkira ta’ San Pawl, lanqas tempju mibni f’ġieħu, lanqas knisja kkonsagrata lilu, imma għall-kuntrarju f’din Malta tagħna, m’hemm xejn li fih l-isem glorjuż ta’ Pawlu ma jiġix iċċelebrat, onorat u eżaltat”. Wieħed tajjeb jgħid u jfakkar li t-tradizzjoni marbuta ma’ San Pawl kienet diġa qawwija anki qabel waslu l-Kavallieri ta’ San Pawl. 

L-argumenti l-aktar b’saħħithom favur Malta 

Ovvjament, hemm raġunijiet politiċi marbutin ma’ dawk li tkellmu u argumentaw fejn seħħ in-nawfraġju. Anki l-Ordni ta’ San Ġwann, ried li jimbotta l-każ favur Malta u ħadem kemm felaħ għal dan il-għan.

Lil hinn minn dan iżda, hemm żewġ argumenti b’saħħithom favur li n-nawfraġju seħħ f’Malta.  Dan hu dak li fl-Atti jingħad li meta ġie biex jitlaq minn pajjiżna, San Pawl telaq b’ġifen ta’ Lixandra  lejn Sirakuża. Dan il-ġifen rna kienx jieqaf Mljet għax-xitwa. Iqum l-argument ukoll li kieku inkalja fi Mljet fid-Dalmazja, xi bżonn kien hemm li jbaħħar lejn Sirakuża fi triqtu għal Ruma? Vjaġġ simili ma kienx jagħmel sens għax Sirakuża tinsab fi Sqallija u għalhekk bogħod sew minn Mljet.  Storiċi jargumentaw li kieku inkalja Mljet, fi triqtu għal Ruma kien jidħol f’xi port Taljan fl-Adrijatiku b’dak l-aktar probabbli għax viċin kien ikun il-port ta’ Brindisi. 

Argument ieħor b’saħħtu u li juri post partikolari hu r-riferenza għall-biża’ li jinkaljaw f’Sirti. 

Dan juri li 1-ġifen kien sejjer lejn in-Nofsinhar tal-Mediterran, jiġifieri lejn Malta u rnhux lejn it-Tramuntana u għalhekk  Mljet, Il-fatt li ngħad li għarqa seħħet fl-Adrijatiku dan illum ma jitqiesx aktar kontra Malta għax hemm riferenzi li juru li l-baħar ta’ ‘Adria’ kien jinkludi ċ-ċentru tal-Mediterran.

Ikompli

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport