Tuesday, December 24, 2024

“Storja ffabrikata li kellha impatt devastanti fuqi u fuq binti”- Carmen Ciantar

Aqra wkoll

“Din l-istorja fabbrikata kellha impatt devastanti kemm fuq il-ħajja professjonali u anki dik personali, tiegħi u ta’ binti. Meta dehret din l-istorja falza, mill-ewwel issospendejt ruħi mill-kariga ta’ CEO mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi. Dan għamiltu biex niddefendi lili nnifsi, lill-istituzzjoni, lill-Ministru u lir-reputazzjoni ta’ pajjiżi”.

Dan qalitu l-eks Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) Carmen Ciantar, fejn stqarret illi peress li ma għandha xejn x’taħbu, marret għand il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Maġistrat responsabbli mill-inkejsta tal-VGH/Steward u talbithom biex issir investigazzjoni fuqha. Kien hawn fejn sostniet li offriet koperazzjoni sħiħa u l-fatt li lesta li tgħid dak kollu illi taf.

Qalet ukoll; “Il-parti l-aktar frustranti u ta’ weġgħa kbira għalijja kienet li ma kellix mezz ta’ rimedju. L-editur Pakistani tas-sit elettroniku li kien qed imexxi din l-istorja falza ma setax jiġi rintraċċat mit-tim legali tiegħi u esperti oħra. Lanqas ma stajna naslu għal min iffinanzja dan il-plot ta’ ħażen”.

Irrimarkat kif hi u bintha sfaw vittmi tal-allegat frame up politiku li sar minn forzi mudlama li kienu qed jimmiraw lejn il-Ministru responsabbli mill-FMS, Chris Fearne. Qalet ukoll li minħabba li kienet f’kariga pubblika, din l-istorja ħolqot kwistjonijiet ta’ fiduċja, speċjalment mal-partijiet interessati, mal-kollegi tal-gvern u mal-membri tal-istaff. Fil-każ ta’ bintha, li għandha l-professjoni ta’ dentist, tilfet numru ta’ klijenti.

Enfasizzat li isimha u isem bintha, tneħħa kompletament minn kull akkuża pjuttost malajr mill-Pulizija u l-Maġistrat u li għalhekk il-fiduċja ġiet rikuperata, għall-inqas minn dawk ta’ rieda tajba u li jiddistingwu l-fatti mill-gideb. Spjegat kif fuq nota personali, hi u bintha flimkien mal-familjari inkluż il-ġenituri anzjani tagħha sofrew b’mod tremend minn din is-sitwazzjoni. Hija spejgat din is-sitwazzjoni bħala; “kien qisu għadna kif ħriġna minn ħolma tal-waħx matul dawk ix-xahrejn”.

Qalet li għat-tieni darba marret għand il-Kummissarju tal-Pulizija iżda b’talba differenti. Qalet; Li dan kien frame up huwa fatt. Issa rridu nkunu nafu min wettqu u min iffinanzjah. B’mod sempliċi, min huma l-forzi mudlama li għamlu dan kollu, lili u lil binti, lill-FMS, lill-Ministeru u lil dan il-pajjiż?”.

Ciantar temmet tgħid li ladarba dawn il-mistoqsijiet jiġu mwieġba, xejn mhu ser jżommhom milli jesploraw kawża għad-danni.

Ekonomija

Sport