B’referenza għad-dikjarazzjoni maħruġa llum (3 ta’ Ġunju, 2025) minn Birkirkara Football Club wara t-tħabbira tal-Iskwadra tat-Tim Nazzonali tal-Irġiel tal-Kbar għall-Kwalifikazzjonijiet Ewropej ta’ Grupp G tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA li ġejjin kontra l-Litwanja u l-Olanda, il-Malta Football Association tixtieq tiddikjara dan li ġej:
Il-Malta FA ġiet notifikata minn Birkirkara Football Club li ħadet azzjoni dixxiplinarja kontra plejer tat-tim tal-kbar li sussegwentement ressaq appell kontra d-deċiżjoni meħuda mill-Bord Dixxiplinari tal-klabb. Birkirkara Football Club ġew notifikati dwar l-appell ippreżentat mill-plejer fit-30 ta’ Mejju, 2025.
Għaldaqstant, kif innota sew il-klabb fid-dikjarazzjoni tiegħu, il-każ għadu ‘sub judice’. Il-proċedimenti għadhom għaddejjin, u kwalunkwe kumment jew dikjarazzjoni li potenzjalment tista’ tippreġudika r-riżultat għandha tiġi evitata.
B’rispett sħiħ lejn il-proċessi regolatorji u ġudizzjarji, l-FA ta’ Malta se żżomm ma’ dan il-prinċipju u tħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti biex jagħmlu l-istess.
Data għas-smigħ tal-appell se tiġi stabbilita fi żmien xieraq. Il-Malta FA se tastjeni milli tagħmel aktar kummenti sakemm dan il-proċess ikun ġie konkluż.