Il-Malta FA ħadet nota tal-kummenti dwar il-programm soċjali mfassal biex jipprovdi boroż ta’ studju mħallsa skont il-mezzi. Din l-inizjattiva dejjem kienet ibbażata fuq objettiv soċjali ċar: it-tneħħija tal-ostakli għall-parteċipazzjoni fl-isport, it-tisħiħ tar-rwol tal-klabbs u l-futbol fis-soċjetà, u l-promozzjoni tal-inklużività.
Il-klabbs u l-komunità usa’ tal-futbol għandhom rwol importanti biex jiżguraw li ż-żgħażagħ ikunu involuti f’ambjenti pożittivi u appoġġjati biex jibqgħu ’l bogħod minn imġieba u vizzji ta’ ħsara.
Dan il-programm fl-ebda stadju ma jippromwovi l-kannabis f’xi forma. L-affiljazzjoni inkwistjoni hija mar-regolatur, mhux ma’ xi operatur, u l-finanzjament huwa derivat minn sorsi pubbliċi.
Il-kannabis tibqa’ sustanza pprojbita taħt il-lista tal-WADA, u kwalunkwe użu fil-futbol huwa soġġett għal, u se jiġi indirizzat f’konformità sħiħa mar-regolamenti applikabbli.

