Għadd ta’ unjins Franċiżi komplew bil-pressjoni tagħhom u organizzaw strajk ta’ ġurnata nhar it-Tlieta 2 ta’ Diċermbru. Huma organizzaw l-istrajk hekk kif l-abbozz dwar il-baġit jinsab fi stadju kruċjali ta’ diskussjonijiet. L-għan ta’ dan l-istrajk kien li ssir pressjoni fuq il-gvern u l-Membri Parlamentari qabel jum kbir ta’ diskussjonijiet dwar il-proposta tal-gvern għall-baġit għas-sena 2026.

It-tliet unjins Franċiżi li sejħu l-istrajk huma CGT, FSU u Solidaires. Sophie Binet, il-mexxejja tal-unjin tax-xellug estrem CGT, iddeskriviet l-abbozz ta’ liġi, liema abbozz għandu l-għan li jiffranka xejn inqas minn €44 biljun, bħala “turija ta’ orrur”.
Nuqqas ta’ ġustizzja fiskali
Fost il-kartelluni li spikkaw fi Franza fl-aħħar jiem fil-protesti tal-ħaddiema kien hemm li “hemm flus fil-bwiet tal-ultra-sinjuri u n-negozji l-kbar!”. Fi stqarrija għall-Istampa, it-tliet unjins ikkritikaw in-nuqqas ta’ ġustizzja fiskali fl-abbozz tal-Baġit u r-“reżistenza mil-lemin u l-lemin estrem, li ngħaqdu flimkien biex jipproteġu fortuni kbar”.

Hawn il-unjins qegħdin jitolbu aktar flus għas-servizzi pubbliċi, l-impjiegi, il-pensjonijiet, l-industriji u l-kultura.
Minkejja li dawn it-tliet unjins jinsabu determinati li jiġġieldu dan l-abbozz, it-trejdunjin CFDT, li hija l-akbar waħda fi Franza, hija assenti minn din il-pressjoni li qiegħda ssir.


