Sunday, November 24, 2024

Strajk mill-ħaddiema joħloq munzelli ta’ żibel f’żoni turistiċi f’Londra

Aqra wkoll

Munzelli kbar ta’ żibel imqabbla mal-Muntanja Everest qed jinxterdu fit-toroq tal-Lvant ta’ Londra waqt li l-ħaddiema tal-ġbir tal-iskart u dawk li jnaddfu t-toroq jinsabu fuq strajk ta’ ġimagħtejn dwar tilwima fuq il-paga.

Ritratti juru żoni turistiċi, fosthom Brick Lane, maħmuġin minn “muntanji” ta’ skart inkluż boroż li jintefgħu fl-iskips li baqgħu mhux miġbura, u kaxxi tal-kartun. Aktar minn 200 ħaddiem tal-ġbir tal-iskart u dawk li jnaddfu t-toroq ħarġu fuq strajk madwar iż-żona ta’ Londra ta’ Tower Hamlets mit-18 ta’ Settembru sal-1 ta’ Ottubru minħabba tilwima nazzjonali dwar il-pagi.

Iż-żona milquta ġiet klassifikata bħala ta’ periklu reali ħafna għas-saħħa tan-nies bis-sidien tan-negozji ta’ Brick Lane jilmentaw li ż-żibel qed iħalli impressjoni ħażina ħafna fuq in-nies li jżuru ż-żona, magħrufa għar-ristoranti Indjani, ix-xiri ta’ oġġetti antiki u s-swieq tagħha. Huma ilhom iħallsu għall-ġbir ta’ skart mill-privat minħabba biża’ li ż-żibel jista’ jattira l-ġrieden.

Skont l-unjin Unite, il-ħaddiema rrifjutaw żieda fil-pagi b’rata fissa nazzjonali ta’ £1,925 minħabba li hija taħt ir-rata tal-inflazzjoni u ekwivalenti għal tnaqqis fil-pagi f’termini reali.

Ħafna nies esprimew id-dispjaċir tagħhom għas-sitwazzjoni inkwetanti u sejħu lis-Sindku ta’ Tower Hamlets, Lutfur Rahman, biex jintervjeni u jieħu l-kontroll tas-sitwazzjoni. Ir-riħa hija qawwija ħafna u n-nies ma jistgħux jimxu fuq il-bankini minħabba l-muntanji enormi ta’ żibel li qed jitmermer u jiġbed lejh ħafna dubbien.

Sport