Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li hi stramba kif Bernard Grech iddeċieda li jibda l-kampanja tiegħu b’mod negattiv meta f’gazzetta lokali qal li Adrian Delia falla milli jgħaqqad lill-PN.
Delia qal f’post fuq il-midja soċjali li jista’ jkun li dan kien il-parir li tawh dawk li kienu jagħtuh il-pariri qabel l-2013 u li ma jafux mod ieħor. Min-naħa l-oħra, Delia qal li hu se jagħtih parir li l-għaqda hi dik li għandhom bżonn it-tnejn li huma.
Il-Kap Nazzjonalista qal li hi xi ħaġa tad-dwejjaq li Grech ingħata s-sostenn mhux biex ifejjaq lill-partit, iżda biex jiġi mkeċċi kap li ġie elett b’mod demokratiku u li ma jistgħux jikkontrollaw.
Qal li aktar minn hekk, Grech qed jistaqsi jekk hu għandux il-partit għal qalbu. Saħaq li għall-partit hu ta kollox, kemm il-karriera, kemm il-passjonijiet tiegħu u anke ħajtu. Saħaq li ta qalbu u ruħu għall-partit.
Madankollu, Delia qal li hu importanti li jingħaqdu t-tnejn li huma biex iwettqu l-prospetti li kien se jħabbar għall-ġenerazzjoni li jmiss tal-PN.