Tuesday, April 30, 2024

“Strateġija kuraġġuża u ambizzjuża għall-industrija tal-films ta’ Malta”

- Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech

Aqra wkoll

Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech, fid-diskors inawgurali tiegħu fil-Mediterran film Festival iddeskriva strateġija kuraġġuża u ambizzjuża għall-industrija tal-films ta’ Malta. L-istrateġija għandha l-għan li toħloq industrija tal-films sostenibbli tul is-sena kollha u li tipprovdi opportunitajiet dejjem akbar għall-poplu Malti.

“L-istrateġija tagħna hija kuraġġuża u ċara. Hija ambizzjuża. U flimkien naf li nistgħu nwettquha. Qed nistabbilixxu fejn irridu nkunu bħala industrija u bħala pajjiż,” qal Grech. Huwa enfasizza l-importanza li tinħoloq industrija tal-films tassew sostenibbli, u sostna, “Il-livell li jmiss’ għall-films f’Malta jfisser li tinħoloq industrija tal-films tassew sostenibbli, tul is-sena kollha u li tagħti dejjem aktar opportunitajiet lill-poplu tagħna.”

Grech enfasizza wkoll l-importanza tad-drittijiet u l-istandards tal-ħaddiema fl-industrija. “Bl-appoġġ jiġu r-responsabbiltajiet. Mhux se nabbadunaw qatt il-missjoni tagħna li nibnu industrija tal-films ta’ klassi dinjija f’Malta. Iżda fl-istess hin irridu nwasslu ambjent ta’ klassi dinjija għall-haddiema, li x-xogħol iebes tagħhom u t-talent taghhom jikkontribwixxi ħafna biex isiru suċċessi dinjija tal-films ‘Made in Malta’. Li nagħmlu l-gid għall-ħaddiema mhuwiex obbligu soċjali astratt. Mhux obbligu morali biss. Huwa standard li IRRIDU nżommu lkoll. Huwa essenzjali għar-reklutaġġ u ż-żamma tat-talent li neħtieġu. U huwa essenzjali li nżommu l-appoġġ pubbliku u politiku għall-prezz li Malta tħallas għall-appoġġ tal-industrija tal-films b’tant imhabba,”.

Dustin Chorodowics minn Saffery Champness enfasizza l-potenzjal tal-industrija tal-films ta’ Malta, filwaqt li enfasizza li l-inċentivi fiskali jeħtieġ li jkunu akkumpanjati minn riżorsi umani. Stephen Stivala minn KPMG iddettalja l-pjan ta’ implimentazzjoni għat-tkabbir tal-industrija.

Is-sena li għaddiet, Malta rat rekord ta’ 24 produzzjoni, li kkontribwew b’mod sinifikanti għall-ekonomija. Il-qafas strateġiku, immexxi mill-Kummissjoni Maltija tal-Films, għandu l-għan li jfassal futur sabiħ għall-industrija tal-films ta’ Malta.

Il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo enfasizza l-istrateġija blueprint ta’ Malta sal-2030, u esprima l-viżjoni tiegħu biex Malta ssir hub globali ewlieni fil-Mediterran. “Sabiex nagħmlu l-industrija tal-films qawwa ekonomika rridu nippjanaw bil-quddiem biex nassiguraw li l-istorja ta’ Malta fil-produzzjoni tal-films tkompli tiffjorixxi fis-snin li ġejjin,” qal il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.

Sport