Saturday, December 28, 2024

STRATEĠIJA NAZZJONALI BIEX NIĠĠIELDU ABBUŻ INUMAN

Aqra wkoll

Fl-aħħar ħames snin f’pajjiżna kellna mal-50 persuni vittmi ta’ traffikar tal-bnedmin. Tlieta minnhom Maltin. Din ir-realtà ta’ kriminalità organizzata hija industrija illeċita li fuq skala globali tiġġenera l-biljuni ta’ Ewro fis-sena. Dan “il-qligħ maħmuġ” isir a skapitu ta’ vittmi li huma sfruttati b’mod inuman.

Huma ċ-ċirku ta’ prostituzzjoni u sfruttament fuq ix-xogħol li l-aktar li jipprevalu f’pajjiżna. Eżempju fl-ewwel każ, tul is-snin rajna tali traffikar tal-bnedmin fil-message parlours li bdew jinbtu f’kull lokalità f’uħud kważi f’kull kantuniera. Abbuż f’wiċċna li maż-żmien bdiet tittieħed azzjoni konkreta mill-awtoritajiet u bdew jitressqu każijiet fil-Qorti bit-traffikanti jiffaċċjaw ġustizzja. 

L-isfruttament fuq ix-xogħol l-aktar li kien u għadu jolqot huma l-ħaddiema barranin mhux membri ta’ unjin b’pagi baxxi ħafna u kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji inklużi ħinijiet tax-xogħol twal iżżejjed. Kien hawn li l-GWU għamlet il-proposta tajba ta’ sħubija obbligatorja tal-ħaddiema kollha f’unjin tal-għażla tagħhom.

Quddiem dan kollu l-Gvern ma qgħadx ċass. Ta bidu għal tisħiħ fil-liġijiet u l-azzjoni fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Dan permezz ta’ taħriġ fost uffiċjali pubbliċi mid-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll kampanji ta’ għarfien. Sitt snin ilu ġiet ukoll emendata liġi biex żied il-pieni minn minimu ta’ erba’ snin għal sitt snin ħabs għal min jinstab ħati ta’ traffikar tal-bnedmin. Dan biex iservi ta’ detterrent akbar għal min jabbuża. 

Issa, biex insaħħu aktar il-ġlieda tagħna kontra dan it-tip ta’ abbuż, pajjiżna nieda l-ewwel strateġija nazzjonali b’azzjonijiet leġislattivi u amministrattivi li fis-seba’ snin li ġejjin, għandhom iħallu l-frott kontra din l-kriminalità inumana. Din l-istrateġija hija msejsa fuq ħames pilastri li jipprovdu t-tisħiħ tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, għall-prevenzjoni u għall-appoġġ għall-vittmi.

Din l-istrateġija kienet bżonnjuża u t-tnedija tagħha hija pass importanti biex inħarsu ‘l quddiem b’aktar ottimiżmu. Imma, fuq il-karta l-affarijiet jidhru faċli. Fir-realtà, nemmnu li m’għandniex nissottovalutaw l-isfidi li hemm quddiemna fejn tidħol din il-pjaga. Dan għax iċ-ċirku kriminali tat-traffikar tal-bnedmin huwa wieħed organnizzat, mgħammar sa snienu bir-riżorsi u kull min jidħol fih huwa bla skrupli. Nemmnu li huwa theddida li dejjem tevolvi li teħtieġ rispons bla waqfien u adattiv. Din hija ġlieda għad-dinjità u l-libertà tal-bniedem li titlob sforz kollettiv tas-soċjetà u mhux tal-Gvern biss. 

L-istrateġija u magħha l-kumitat inter-ministerjali li twaqqaf, se jkunu qegħdin jaraw li pajjiżna jkollu l-aħjar prattiċi biex fuq naħa t-traffikanti jiffaċċjaw l-id tal-ġustizzja u min-naħa l-oħra tingħata l-għajnuna meħtieġa lill-vittmi. Huwa superlativ li barra li nsaħħu l-liġijiet, naraw li nużaw l-armi kollha possibbli u disponibbli, inkluż it-teknoloġija u l-innovazzjoni. Illum il-ġurnata għandna għodod bħall-Intelliġenza Artifiċjali u analiżi tad-data li jistgħu jgħinuna f’din il-ġlieda. Għalhekk, huwa importanti li jkun hemm l-investiment meħtieġ mill-Istat għal miżuri aktar proattivi u effiċjenti fil-prevenzjoni u l-azzjoni.

Fl-aħħar mill-aħħar nemmnu wkoll li l-kuxjenza u l-għarfien huma għodda oħra biex nagħmlu passi sinifikanti kontra dawn iċ-ċrieki ta’ kriminali. It-tisħiħ legali huwa imperativ imma huma wkoll dawk morali u umanitarji. Hawn tidħol il-kuxjenza u l-għajnuna ta’ kull wieħed u waħda minnha biex b’mod kollettiv niġġieldu t-traffikar tal-bniedem għal soċjetà ġusta, libera u dinjituża għal kulħadd.

Ekonomija

Sport