Sunday, November 24, 2024

Strateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni li se tpoġġi lill-istudent fiċ-ċentru

Aqra wkoll

F’Ottubru se titnieda għall-konsultazzjoni pubblika l-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni l-ġdida għas-sitt snin li ġejjin, li se tittrasforma s-settur billi fiċ-ċentru tagħha tpoġġi lill-istudent. Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal dan meta dalgħodu għamel żjarat fi skejjel fit-tieni jum tas-sena skolastika l-ġdida.

“Is-settur edukattiv għandu jkollu fiċ-ċentru tiegħu lilkom l-istudenti u din l-istrateġija li se nniedu f’Ottubru taħdem propju għal dan. Strateġija li tħares ukoll il-benesseri tagħkom u biex is-sistema edukattiva tiġi ttrasformata ħalli tkompli issir edukazzjoni aktar sħiħa li tara li kull tifel u tifla għandhom potenzjal differenti, li kull student u studenta għandhom l-aspirazzjonijiet tagħhom għall-futur u wkoll irridu ngħinuhom biex jilħqu dak il-potenzjal. Fl-istess waqt is-sistema edukattiva trid tipproduċi individwi li jkollhom il-ħiliet neċessarji biex isibu posthom fid-dinja tax-xogħol”, spjega l-Ministru Grima.

Iż-żjarat ta’ dalgħodu saru fl-Iskola Primarja ta’ San Ġwann u fl-Iskola Primarja tal-Imtarfa fir-Rabat. Hemmhekk huwa kien milqugħ mill-Prinċipal tal-Kulleġġi rispettivi kif ukoll mill-Kapijiet ta’ dawn l-iskejjel. L-edukaturi kienu mfaħħra għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom u wkoll għall-preparamenti kbar li għamlu fix-xhur li għaddew biex is-sena skolastika bdiet b’suċċess.

Iż-żjara fir-Rabat saret fil-binja li ġiet immodernizzata kollha kemm hi u llum qed tilqa’ l-istudenti tal-Imtarfa. Il-Ministru Grima ra l-ambjent edukattiv totalment ġdid f’din il-binja, kambjament li kien imfaħħar mill-edukaturi u t-tmexxija tal-iskola.

F’din is-sena skolastika huma impenjati 7,712-il edukatur fl-iskejjel tal-Istat, 28,757 student u studenta mifruxa mill-ewwel sena tal-Primarja sal-ħdax-il sena tas-Sekondarja u 5,942 student fil-livell ta’ Kindergarten. Dan ifisser total ta’ 34,699 student u studenta fl-iskejjel tal-Istat.

“Ħidma kbira li saret matul ix-xhur li għaddew, flimkien ma’ diskussjonijiet ma’ dawk kollha involuti wasslet biex eluf ta’ studenti jidħlu mill-vaganzi tas-sajf u jibdew sena skolastika ġdida biex l-istudenti jkomplu għaddejjin bit-tagħlim tagħhom li jwassalhom għal dak li huma jixtiequ fil-futur tagħhom,” qal il-Ministru Grima.

Il-ġimgħa d-dieħla, apparti d-dħul tal-istudenti fil-livell ta’ kindergarten, tibda s-sena skolastika u akkademika tal-MCAST, l-Università ta’ Malta u tal-istituzzjonijiet post sekondarji.

Sport