Friday, November 15, 2024

“Strateġikament ir-Russja tilfet il-gwerra tagħha fuq l-Ukrajna”

L-Ammiral Sir Tony Radakin

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Forzi Armati Ingliża, fis-sigħat li għaddew insista li r-Russja diġà “tilfet strateġikament” il-gwerra tagħha fl-Ukrajna u qal li l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna kienet “mossa ħażina ħafna”. Dan intqal fid-dawl li l-Gran Brittanja ħabbret iżjed għajnuna għall-Ukreni.

L-Ammiral Sir Tony Radakin osserva li wara erba’ xhur ta’ battalji kontinwi fl-Ukrajna, ir-Russja kulma rnexxielha takkwista huma territorji “żgħar”. Huwa kompla jgħid li għalkemm ir-Russja rnexxielha taħtaf taħt idejha l-partijiet tal-Lvant tal-Ukrajna, dan wassal biex ir-Russja ħallset prezz pjuttost għoli — huwa stmat li s’issa tilfet kwart tar-riżorsi militari tagħha tant li: “Ir-Russja tinsab nieqsa kemm mit-truppi kif ukoll mill-missili, u qatt mhi se tkun f’pożizzjoni li tieħu l-kontroll tal-kumplament tal-Ukrajna”.

Huwa qal dan wara li is-Segretarju għad-Difiża, Ben Wallace, ħabbar li l-Gran Brittanja xtrat iktar minn 20 M109 long-range guns li se tkun qed tibgħathom lejn l-Ukrajna bħala għajnuna għall-poplu Ukren.

Waħda mir-raġunijiet li jattribwixxi Radakin għal din is-sitwazzjoni li tinsab fiha r-Russja hija li n-NATO kompliet tissaħħaħ, speċjalment issa li l-Finlandja u l-Iżvezja wrew ix-xewqa li jissieħbu f’din l-alleanza militari. Barra minn hekk, imbagħad hemm ukoll l-għajnuna li qed tagħti l-Gran Brittanja permezz tal-armamenti li qed tipprovdi lill-Ukreni.

Ekonomija

Sport