“Is-sajf għadda wkoll. Striħajna però wkoll ippreparajna għas-sena skolastika l-ġdida. Naf li saru ħafna xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tisbieħ u li ġew investiti riżorsi biex tkun iffaċilitata l-ħajja ta’ kuljum fl-iskejjel. Aħna bħala għalliema ninsabu mħeġġa u entużjasti biex nilqgħu fostna lill-istudenti fdati lilna”.
Hekk qalet lil Talk.mt waħda mit-tliet edukaturi li tkellmu ma’ dan is-sit proprju dwar id-dħul tagħhom illum fl-iskejjel bi preparazzjoni għas-sena skolastika l-ġdida 2023 – 2024. Dan b’ħidma biex l-istudenti ta’ Malta u Għawdex, li jqarrbu l-35,000, nhar l-Erbgħa li ġej, 27 ta’ Settembru, isibu kollox f’postu u organizzat għal sena ġdida ta’ tagħlim.
F’laqgħat li jsiru tul il-jiem tal-lum u għada, is-7,713 edukaturi lokali se jkunu qegħdin jingħataw struzzjonijiet mill-maniġment tal-iskola kif ukoll jippreparaw il-klassijiet li fihom se jilqgħu l-istudenti l-ġodda tagħhom.
It-tieni edukatriċi li kellmitna hija għalliema tal-Kinder 1 fejn spjegat li l-unika diffikultà li qegħdin isibu hija dik ta’ tfal bi bżonnijiet speċjali mhux statement. Infakkru li f’Malta l-inklużjoni għamlet passi ta’ ġgant u n-numru ta’ Learning Support Educators (LSEs) baqa’ dejjem jikber minn sena għall-oħra. Iżda, fost it-tfal ta’ tliet snin li jkunu għadhom jibdew l-iskola, hemm min li jkun għadu ma ġiex statemented. Dan għax jew ikun għad mhemmx djanjosi, jew inkella għax ma jsirx il-proċess meħtieġ tar-rapport minn psikologu. Konsegwenza ta’ dan hemm għalliema tal-Kinder 1 li jridu jlaħħqu ma’ klassi sħiħa u anke ma’ tfal bi bżonnijiet speċjali waħidhom.
Investimenti u tibdil
It-tielet edukatriċi li kelmitna hija assistent kap fejn qaltilna li għal din is-sena skolastika ma jidhirx li se jkun hemm problemi kbar ta’ għalliema u “allura, dan jawgura li nidħlu mingħajr intoppi”. Hija semmiet l-investiment li permezz tiegħu se jiftħu għadd ta’ skejjel ġodda jew li tranġaw inkluża dik tar-Rabat. Barra minnhekk, qalet li minn din is-sena skolastika ġdida sar xi tibdil is-sillabi tas-sitt sena u spjegat li, “dan se jkun evalvat matul din is-sena biex wieħed dejjem itejjeb is-sistemi li bihom ngħallmu lit-tfal tagħna”.
Dwar il-livell miksub mit-tagħlim, din l-edukatriċi semmiet li s-sena l-oħra kien hemm xi riżultati mhux daqstant pjaċevoli fosthom fil-Livell Ordinarju tal-Matematika. Aċċennat għall-ħtieġa li jkun hemm evalwazzjoni ta’ x’hemm bżonn isir fosthom bidla pjuttost kbira fit-tagħlim, bidla li fl-opinjoni tagħha għandha ssir mis-snin bikrin.
Filwaqt li ħeġġet lill-istudenti biex jidħlu għas-sena skolastika l-ġdida b’impenn u mira li jieħdu xi ħaġa minnha, din l-edukatriċi assigurat li dan huwa investiment għalihom għax “dak li titgħallmu, ma jisraqulkom ħadd”.
Għaldaqstant, filwaqt li nawguraw l-aqwa sena ta’ ħidma lill-edukaturi kollha u lill-istudenti li se jingħaqdu magħhom f’nofs din il-ġimgħa, ngħarfu, ninkoraġixxu u napprezzaw ukoll ix-xogħol siewi tal-għalliema tal-Kinder 1 li forsi fosthom hemm min għandu xi ftit ta’ impenn akbar minn ta’ ħaddieħor. Minn hawn nistiednu lill-ġenituri biex jekk it-tfal tagħhom għandhom bżonn għajnuna ta’ LSE għall-vjaġġ edukattiv tagħhom, jieħdu l-opportunità u l-għajnuna li jagħti l-Istat għall-ġid ta’ wliedhom.