Tuesday, December 24, 2024

Struzzjonijiet u assistenza lil sidien ta’ propjetajiet li qed jirċievu ittri indirizzati lil persuni mhux reġistrati fir-residenzi tagħhom

Aqra wkoll

L-Aġenzija Identità fi stqarrija għamlet referenza għal rapporti dwar posta indirizzata lil persuni barranin u li qed tasal f’indirizzi li fihom ma jirrisjedux dawn l-istess persuni.

L-Aġenzija informat li hemm raġunijiet diversi għala dawn il-każijiet iseħħu. Fost dawn hemm li l-inkwilin ma jkunx informa lill-aġenzija li biddel ir-residenza fejn jgħix, ma tkunx ġiet sottomessa d-De-Registration Form minn sid il-propjetà, l-individwu ikun naqas milli jinforma kumpaniji privati u fornituri ta servizzi li jkun tahom id-dettalji tiegħu bi bdil fl-indirizz jew l-indirizz ikun qed jintuża b’mod qarrieqi u mingħajr awtorizzazzjoni legali.

Sidien ta’ propjetajiet li qegħdin jirċievu posta indirizzata lil persuni li ma jirrisjedux f’dik ir-residenza għandhom jagħmlu rapport fl-eqreb għassa tal-pulizija. F’każ li l-persuna li tkun qed tuża l-indirizz tkun barranija, sid il-propjetà għandu jinforma lit-Taqsima tal-Compliance. Is-sid għandu jniżżel De-Registration Form billi jidħol fuq https://identita.gov.mt/expatriates-unit-property-deregistration/, jimla d-dettalji neċessarji u jissottometti d-dokumenti mitluba f’sezzjoni 5 tal-applikazzjoni. 

L-applikazzjoni tista’ tintbagħat permezz ta’ email fuq [email protected].

Filwaqt li fakkret fl-obbligi legali tas-sid li jirreġistra u jiddireġistra kirjiet skond il-ligi nazzjonali, l-Aġenzija tfakkar li l-applikazzjoni ta’ Direġistrazzjoni (De-Registration Form) għandha tintuża wkoll minn sidien ta’ propjetajiet li jikru lil residenti barranin, wara li l-inkwilin ikun ħareġ minn dik il-proprjetà. La darba l-Aġenzija Identità tkun infurmata minn sid il-propjetà li l-inkwilin ikun ħareġ mill-propjetà tiegħu, Identità tfakkar lill-inkwilin barrani fl-obbligi tiegħu biex jirregola l-preżenza tiegħu f’Malta u jissottometti l-formola Change of Address, u jiddikkjara l-indirizz il-ġdid. F’każ li jonqos milli jagħmel dan, il-Permess u d-Dokument ta’ Residenza jiġi revokat.

L-Aġenzija Identità avżat li b’seħħ mill-1 ta’ Settembru 2024 kwalunkwe kuntratt ta’ kirja ta’ propjetà sottomessa ma’ applikazzjoni għall-permess ta’ residenza, irid ikun legalizzat min-Nutar, Avukat jew Prokuratur Legali. L-ebda applikazzjoni mhu se tiġi aċċettata mingħajr mal-kuntratt ikun legalizzat.

L-Aġenzija Identità fakkret li kull applikazzjoni għal Permess jew Dokument ta’ Residenza li tasal għandha, flimkien mad-dokumenti neċessarji abbażi tal-istess applikazzjoni, tkun assessjata u vverifikata minn diversi stakeholders, u minn hemm tingħata rakkomandazzjoni dwar jekk dik l-applikazzjoni għandhiex tiġi approvata jew rifjutata. Abbażi ta’ dik ir-rakkomandazzjoni l-Aġenzija Identità toħroġ Dokument jew Permess ta’ Residenza, jew tirrifjuta l-applikazzjoni.

Identità appellat lill-kumpaniji u fornituri ta’ servizzi lokali sabiex jagħmlu referenza għal dokument ta’ identità uffiċjali Malti li juri l-indirizz meta klijent jitlob servizz mingħand il-kumpanija. Tfakkar li kumpaniji privati u fornituri ta’ servizzi għandhom dover jitolbu verifika tal-indirizz tal-individwu qabel ma dawn jirreġistrawh fis-sistemi tagħhom. Din jirriżulta illi mhux dejjem qiegħed isir.

Hija responsabbiltà ta’ kull detentur ta’ Permess jew Dokument ta’ Residenza li jinforma lill-fornituri lokali bi kwalunkwe tibdil fl-indirizz tiegħu jew tagħha meta jintalab servizz jew ieħor. Bl-aktar mod skjett l-Aġenzija Identità ddikjarat li ma tistax tinżamm responsabbli meta, b’mod malizzjuż, tingħata informazzjoni ħażina jew frawdolenti lill-kumpaniji, entitajiet jew fornituri lokali.

Ekonomija

Sport