Monday, December 1, 2025

Student arrestat wara li ħebb għal ieħor b’sikkina fi skola f’Pembroke … il-vittma jinsab f’qagħda stabbli

Aqra wkoll

Student ta’ 14-il sena ġie arrestat wara li allegatament ħebb għal student ieħor b’arma li taqta’ u bil-ponta fl-Iskola Sekondarja tal-Kulleġġ Santa Klara, f’Pembroke. 

Il-każ seħħ dalgħodu wara li nqala’ argument bejn żewġ studenti, li huma ta’ nazzjonalità barranija, f’waħda mill-btieħi tal-istess skola. 

Il-vittma, li huwa wkoll barrani, ittieħed l-Isptar fejn qed jingħata l-kura għall-ġrieħi li sofra. Huwa jinsab f’qagħda stabbli. 

L-allegat aggressur, li huwa wkoll student u għandu 14-il sena, twaqqaf mill-uffiċjali tal-iskola u ġie miżmum mill-pulizija biex jiġi mitkellem anke fil-preżenza tal-ġenituri tiegħu. 

Kelliem tal-Pulizija kkonferma li ż-żewġ studenti huma subien u l-arma li allegatament intużat f’dan l-inċident kienet sikkina, li ġiet elevata minn fuq il-post. 

L-istess kelliem qal li ż-żewġ studenti huma ta’ nazzjonalità Libjana u ilhom Malta mindu kellhom tliet snin. Huwa appella għall-kawtela anke fid-dawl li l-persuni konċernati huma minuri. Wara li s-sitwazzjoni kkalmat, il-lezzjonijiet fl-iskola komplew b’mod normali.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali li qed titmexxa mill-Maġistrat Philip Galea Farrugia. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni kkonferma l-każ u qal li ttieħdu passi biex il-Victim Support Agency tagħti l-appoġġ lil studenti u edukaturi li assistew għall-każ. Qal ukoll li t-tmexxija tal-iskola qed tikkopera bi sħiħ mal-investigazzjonijiet tal-pulizija. 

Sadanittant, l-Unjin tal-Għalliema (MUT) qalet li qed issegwi mill-qrib dan il-każ u anke kkuntattjat lill-Ministeru tal-Edukazzjoni u lill-iskola biex tassigura li jkunu protetti kemm l-edukaturi kif ukoll l-istudenti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport