Student Malti rebaħ il-premju prestiġjuż ta’ Prince’s Trust Global Young Achiever Award, liema rikonoxximent internazzjonali jiċċelebra individwi żgħażagħ b’ispirazzjoni kbira u li jirnexxilhom jegħlbu sfidi sinifikanti biex jiksbu riżultati pożittivi.
Christian Axisa kien qed isibha diffiċli jintegra fis-sistema edukattiva, fejn studenti bħalu bi bżonnijiet speċjali jkunu inklużi mal-bqija tal-istudenti l-oħra, f’ambjent edukattiv wieħed. Dan wassal biex Christian beda jsofri regolarment minn emigranji li spiss kienu jwassluh biex jitlef l-iskola.
Ħajjet Christian inbidlet meta rreġistra fil-programm Achieve — appoġġjat minn HSBC Malta Foundation u l-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, li joffri tagħlim prattiku u bbażat fuq suġġetti permezz ta’ proġetti prattiċi u attivitajiet fi gruppi żgħar. Il-programm Achieve ta’ Prince’s Trust International huwa maħsub biex jgħin lill-istudenti ta’ bejn it-13 u d-19-il sena, li qed isibuha diffiċli mas-sistema tat-tagħlim mainstream (sistema li tinkludi lill-istudenti kollha, inkluż dawk bi bżonnijiet speċjali f’ambjent komuni), biex jerġgħu jimpenjaw ruħhom fl-edukazzjoni u jirnexxu.
Appena Christian issieħeb f’dan il-programm, hu beda jagħmel passi kbar, kemm fl-iżvilupp personali kif ukoll dak soċjali tiegħu: “Ħadt gost noħloq affarijiet ġodda u nitgħallem dwar il-flus. Ħadt gost nuża l-għodda li kien hemm fil-laboratorju. Ħadt pjaċir nitgħallem b’modi differenti,” qal Christian, filwaqt li ħeġġeġ lil persuni oħrajn bħalu biex jidħlu f’dan il-programm għaliex “Huwa divertenti u nistgħu nkunu kreattivi”.
Minn meta tnieda dan il-programm fl-2015, il-proġett Achieve laħaq aktar minn 2,500 student, fosthom lil Christian, u pprovdielhom il-ħiliet li jeħtieġu biex jirnexxu. In-network tal-programm kiber biex jinkludi 65 skola u istituzzjoni edukattiva li jmexxu programmi tal-PTI, bin-numru ta’ study units disponibbli, żdied minn 63 fil-2015/2016 għal ammont li llum ilaħħaq l-400, li minnhom 344 huma ekwivalenti għall-livell 3 tal-MQF jew ogħla.