Huwa ta’ unur għalina bħala poplu li jkollna rappreżentant Malti fuq livell internazzjonali u huwa ta’ sodisfazzjon akbar meta r-rappreżentant ikun student lokali li minkejja l-età żgħira tiegħu, iħabbatha ma’ rappreżentanti ta’ pajjiżi kbar u b’saħħithom aktar minnha. Qegħdin nitkellmu dwar l-istudent ta’ 17-il sena James Gatt li bejn is-6 u t-8 ta’ dan ix-xahar tkellem fil-Konferenza Internazzjonali DroidCon f’Berlin. Gatt fil-fatt kien l-iżgħar kelliem f’din il-konferenza prestiġġjuża.
L-Android huwa l-aktar sistema operattiva popolari b’aktar minn 70% tas-sehem tas-suq globali, mentri l-unika kompetitur dirett – l-iOS – għandu biss 25%. Kien proprju l-interess li ħa James Gatt fis-sistema operattiva tal-mowbajls ta’ Google, li waslitu biex jitkellem f’Berlin.
Mill-età ta’ 12-il sena Gatt beda juri interess fit-teknoloġija u tant kien akkanit u kapaċi li rnexxielu jiżviluppa firmware għall-Android li bih żied iż-żmien li jista’ jservih il-mowbajl tiegħu. Minn hemm huwa kompla jistudja u jesperimenta tant li rnexxielu jiżviluppa l-ewwel firmware tiegħu għall-Androids, magħrufa aktar bħala l-“custom ROM”. Dawn ħafna drabi jintużaw bħala alternattivi għall-firmware li joħorġu bihom il-mowbajls mill-fabbrika.
Talba li ġiet milqugħa…
F’Ġunju, bl-għajnuna tal-organizzazzjoni Google Developer Groups Malta, James għamel l-ewwel diskors tiegħu f’konferenza b’25 parteċipanti f’’Google I/O Extended Malta”. Fis-6 ta’ Lulju tal-2022 James applika biex jipparteċipa bħala kelliem fil-konferenza annwali ta’ DroidCon Berlin u t-talba tiegħu ġiet milqugħa.
Is-sit tal-Università ta’ Malta ħabbar li dan l-istudent tal-Junior College għamel diskors intitolat “Android is open source, what does that mean for us?” fejn tkellem quddiem udjenza ta’ madwar 100 parteċipanti tal-konferenza u sarulu intervisti minn Matt McKenna u Madona Syombua.
Min-naħa tiegħu Gatt qal li, “għal din l-esperjenza kelli niġġieled il-biża’ li nitkellem quddiem udjenza. L-akbar sodisfazzjon li kelli kienet l-interazzjoni u l-kuntatt li kelli man-nies”.
“Għal din l-esperjenza kelli niġġieled il-biża’ li nitkellem quddiem udjenza”
Dan il-ġuvni, li beħsiebu jkompli jitgħallem dwar l-użu tal-Android bħala “open source”, lest li jagħti aktar taħditiet iddettaljati f’konferenzi differenti mad-dinja kollha u qiegħed jippjana li jmur mill-inqas personalment konferenza oħra tad-DroidCon f’Berlin.
Dan l-istudent huwa eżempju ċar li għalkemm bħala pajjiż aħna żgħar , xorta waħda aħna kbar fit-talenti lokali. Nistiednu żgħażagħ oħra jagħmlu kuraġġ biex huma wkoll jitħajjru jirrappreżentaw lill-pajjiżna bit-talenti u l-kapaċitajiet tagħhom. Nemmnu li talenti bħal dawn għandna ħafna.