Student ta’ 17-il sena ġie lliberat mill-akkużi li hedded lillAssistent Kap tal-iskola fejn kien jattendi wara li l-Qorti ma sabitx provi biżżejjed li l-profil ta’ Instagram li minnu sar dan l-allegat theddid kien fil-fatt tiegħu
L-imputat, li ismu mhux jixxandar minħabba li għadu taħt l-età, kien mixli li hedded lill-Assistent Kap tal-Iskola, li għamel użu ħażin ta’ apparat ta’ komunikazzjoni elettronika u li kkaġunalha biża’ li se tintuża vjolenza kontriha jew familjari tagħha.
Fil-Qorti nstema’ kif fil-bidu ta’ Marzu tal-2024, l-allegata vittma kienet marret tagħmel rapport l-għassa fejn allegat li l-imputat, li kien student minn tagħha, tefa’ messaġġ fuq Instagram li fih kien hemm diversi theddid. Hija kienet spjegat fil-Qorti li bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-ħames sena tas-sekondarja, qabel jitilqu l-istudenti, l-iskola torganizza T-Shirts għall-istudenti fejn kull student irid jikteb x’jixtieq li jkun hemm miktub fuq in-naħa ta’ wara ta’ dan it-T-Shirt.
Spjegat li ġeneralment l-iskola tiktbilhom isimhom u kunjomhom u l-inizjali, filwaqt li l-imputat kiteb kelma li fil-fehma tal-iskola ma kinitx aċċettata, billi tirreferi għal persuni b’dipressjoni jew inkella psikopatiċi. Qalet li bħala skola ħassew li ma kinitx kelma xierqa peress li ma twassalx messaġġ edukattiv pożittiv li jippermetti l-irwol edukattiv tagħhom.
Hija tkompli biex tispjega li kienu għaddewlu T-shirt b’ismu biss u ma ġara xejn però filgħaxija tgħid li rċeviet notifika li ttella’ attakk fuqha personali fuq il-midja soċjali, liema attakk tgħid li kien xokkanti ħafna. Fuq mistoqsija tal-prosekuzzjoni, ix-xhud tgħid li dan il-messaġġ ma kienx wasal direttament lilha iżda kien mgħoddi lilha u tiddeskrivi l-messaġġ bħala “story” fuq Instagram.
Mistoqsija jekk kienx hemm aktar kuntatt mill-imputat wara l-inċident, hija tgħid li magħha personalment ma kienx hemm però tispjega li permezz tal-iskola ttieħdet azzjoni meta sar kuntatt mal-ġenituri tiegħu għal darba darbtejn biex jifhmu eżatt x’kien dak li wassal għal dan “l-attakk persona-li.” Fuq domanda tal-Qorti, ix-xhud tispjega li dan il-messaġġ għaddihulha ġenitur ta’ student ieħor tal-year group tagħha, iżda ma ssemmix min kien, u tikkonferma li dan il-messaġġ kien mgħoddi lilha iżda hi qatt ma rat personalment.
Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Abigail Critien, li ppresediet il-Qorti tal-Minorenni, qalet li filwaqt li d-diskors fuq il-profil ta’ Instagram kien tali li oġġettivament mhux biss jikkwalifika bħala nġurja u theddida fil-konfront tal-parte civile iżda biża’ ta’ vjolenza fuqha u l-familjari tagħha, minn dak li xehdet hi stess u xhieda oħra, ħadd minnhom ma kien f’pożizzjoni li jikkonferma lil hinn minn kull dubju dettat mir-raġuni li kien l-imputat li attwalment tella’ l-istory mertu ta’ dawn il-proċeduri.
Il-Qorti rat ukoll li minn indaġni li kien sar, u ċioe talba għall-informazzjoni direttament lil Instagram, ma kien hemm l-ebda informazzjoni dwar dan il-profil u li għalhekk abbażi ta’ dan kollu, kienet tal-fehma li l-imputazzjonijiet ma kinux ippruvati sal-grad rikjest.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti sabet lill-imputat mhux ħati tal-imputazzjonijiet miġjuba fil-konfront tiegħu u għalhekk illiberatu minn kull ħtija u piena. L-Avukat Herman Mula deher għall-imputat.