Saturday, December 6, 2025

Studenta ta’ 15-il sena tammetti li aggrediet tfajla oħra fil-Kulleġġ San Nikola f’Ħad-Dingli

Aqra wkoll

Studenta ta’ 15-il sena li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ammettiet li aggredit studenta oħra fil-Kulleġġ San Nikola f’Ħad-Dingli.

Hija tressqet il-Qorti quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia fejn ammettiet ukoll li kisrtilha mnieħirha fil-kurutur ta’ fejn hemm il-klassijiet.

Fil-Qorti ntqal li se jkun qiegħed isir rapport lill-Pulizija dwar insulti li saru mill-vittma lejn l-imputat u dawn saru fil-ġranet ta’ qabel li seħħ dan il-każ.

Fil-preżenza ta’ missier l-istudenta, il-Prosekuzzjoni qalet li l-każ seħħ nhar l-Erbgħa filgħodu bejn l-10.00 a.m. u l-11.00 a.m. fil-bini tal-iskola.

Ġie spjegat li l-vittma kienet għaddejja fil-kuritur bl-akkużata tiġi minn warajha u tagħta żewġ daqqiet ta’ ponn f’wiċċha, u wara tefata mal-art.

Il-vittma, ta’ 14-il sena kellha tittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza fejn ġiet iċertifikata li sofriet ġrieħi ħfief.

Id-difiża talbet li jsir pre-sentencing report, wara l-ammissjoni, u l-Qorti laqgħet din it-talba. Id-difiża wkoll għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li l-vittma u l-imputata jattendu l-istess skola.

Il-Qorti wara li semgħet liż-żewġ naħat laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ 500 ewro u garanzija personali ta’ 3,500 ewro u trid tiffirma fl-Għassa tal-Pulizija kull nhar ta’ Sibt.

L-Ispettur Cheyenne Mangion mexxiet il-Proesekuzzjoni il-każ filwaqt li l-avukat Nicholas Mifsud deher għall-imputata.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport