Saturday, November 23, 2024

Studenti mill-Kulleġġ ta’ San Nikola jikklassifikaw mal-ewwel erbgħa fl-Ewropa fil-kompetizzjoni Climate Detectives

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Grupp ta’ studenti mill-Iskola Sekondarja ta’ Ħad-Dingli u mill-Iskola Medja tar-Rabat tal-Kulleġġ San Nikola ikklassifikaw fost l-aqwa erba’ timijiet fil-proġett Climate Detectives organizzat mill-European Space Agency. Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Owen Bonnici, iltaqa’ mal-Kapijiet tal-iskola, l-prinċipal tal-Kulleġġ u l-għalliema u studenti li kienu nvoluti fil-proġett fejn ferħilhom tas-suċċess tagħhom u intwera f’iktar dettall x’kien jinvolvi l-proġett.

Il-Ministru Bonnici qal li, “Dawn l-istudenti kienu kappaċi iqajmu kuxjenza dwar it-tibdil fil-klima billi ħolqu materjal li jippromwovi l-użu tad-dawl naturali, l-użu għaqli tal-elettriku u l-ilma, il-valur tal-iskart bħala riżorsa, is-separazzjoni tal-iskart, tħawwil ta’ siġar indiġeni madwar l-iskola u fil-komunitajiet li jgħixu fihom. Jiena ninkoraġġixxi li iżjed skejjel bħal dawn jisimgħu lill-istudenti u jgħinuhom fejn huwa possibli għaliex bl-ideat tagħhom kapaċi nġibu bidliet għall-ġid ta’ uliedna u ulied uliedna.”

Fil-proġett Climate Detectives ħadu sehem iktar minn 450 student minn madwar l-Ewropa kollha. Kull tim kellu jidentifika problema relatata mal-klima lokali, jiġbor data u informazzjoni biex jinvestiga il-problema u finalment jieħu azzjonijiet biex itaffu l-istess problema.

It-tim tal-Kulleġġ San Nikola investigaw kif it-tibdil fil-klima, primarjament tibdil fl-ammont ta’ xita u temperatura, qed jaffettwa l-ammont ta’ ilma li jgħaddi minn Wied il-Qlejgħa, fil-limiti tar-Rabat u l-Imtarfa, u l-impatt ta’ dan it-tibdil fuq il-biedja fl-inħawi tal-wied.

L-istudenti tad-disa’ sena tal-ġeografija fl-Iskola Sekondarja ta’ Ħad-Dingli bdew billi janalizzaw data kwantitattiva dwar tibdil fit-temperatura u fl-ammont ta’ xita li niżlet fuq il-gżejjer Maltin matul dawn l-aħħar ħamsin sena. Saru wkoll osservazzjonijiet dwar l-ammont ta’ ilma li jgħaddi minn Wied il-Qlejgħa permezz ta’ ritratti mis-satelliti Landsat 5 u Sentinel 2. Finalment għamlu osservazzjonijiet billi għamlu fieldwork f’Wied il-Qlejgħa fi Frar 2020.

Din l-analiżi uriet li x-xita qed tonqos fir-rebbiegħa iżda maltempati kbar ta’ xita qed jiżdiedu ħarifa filwaqt li t-temperatura tidher li qed tiżdied. Waqt il-fieldwork, l-istudenti innutaw li parti kbira mill-wied kien xott, iżda setgħu josservaw “features” li juru li l-ammont ta’ ilma li kien jgħaddi mill-wied fil-passat kien ħafna iktar għoli, fosthom liwjiet fil-wied li iffurmaw b’azzjoni idrawlika.

Iktar informazzjoni tinsab fuq din il-link:
https://climatedetectives.esa.int/ad/reduce-your-carbon-footprint-and-save-maltas-watercourses/


Sport