Monday, September 1, 2025

Studenti tal-IEU jiġbru d-dokumenti tagħhom

Aqra wkoll

Xejn inqas minn 64 student – li kienu jattendu l-International European University (IEU) – dalgħodu marru f’din l-istituzzjoni biex jiġbru d-dokumenti relattivi tagħhom minn hemmhekk, b’uħud ġabru wkoll il-passaporti tagħhom.

Kien wara talba li l-General Workers’ Union għamlet lill-Pulizija, bl-assistenza tas-Supretendent Mario Haber, li saru l-arranġamenti neċessarji kollha biex dawn l-istudenti jkunu jistgħu jiġbru d-dokumenti tagħhom.

Dawn l-istudenti bħal sajjetta fil-bnazzi kienu sabu theddida ma’ wiċċhom u dan hekk kif ġew mitluba jitilqu minn pajjiżna. Dan sar minħabba li l-liċenzja ta’ din l-Università – li hi istituzzjoni privata – ġiet irtirata.

L-istess studenti kienu resqu għand il-General Workers’ Union fejn talbuha l-assistenza tagħhom. Minnufih il-GWU, permezz tas-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel Kevin Abela, intervjeniet fil-każ tagħhom tant li fil-jiem li għaddew inżammet ukoll laqgħa ma’ uffiċjali għolja tal-Aġenzija Identità.

Matul din il-laqgħa kien intlaħaq qbil li dawn l-istudenti jingħataw l-għajnuna kollha meħtieġa, u ladarba jkunu f’pożizzjoni li jkomplu l-istudji tagħhom f’Malta, l-Aġenzija Identità se tkun qiegħda tiffaċilita l-Permessi ta’ Residenza u l-Viża tagħhom.

Identità se tkun qed toffri wkoll assistenza lil dawk nqabdu barra minn Malta u jinħtieġu dokumenti sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jidħlu, kif ukoll lil dawk l-istudenti li spiċċaw mingħajr il-passaport u jridu japplikaw u jiġbru passaport ġdid tagħhom mill-Ambaxxati rispettivi tagħhom.

Fil-kummenti tiegħu, is-Segretarju Kevin Abela qal li flimkien se jkunu qed jitrattaw dawn il-każi individwalment u jassistu lil dawn l-istudenti mill-aħjar li jistgħu. “Il-ħidma tal-GWU b’risq dawn l-istudenti diġà qiegħda tagħti frott u dan hekk kif diġà hemm istituzzjoni li offriet lill-istess studenti korsijiet bi prezzijiet imraħħsa,” żied jgħid Abela.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport