Fil-Jum Dinji tal-Ambjent, grupp ta’ studenti mill-Iskola Primarja ta’ Marsaxlokk żar l-Power Station ta’ Delimara bħala parti minn inizjattiva edukattiva organizzata b’kollaborazzjoni bejn ElectroGas Malta Ltd, il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk, u l-Iskola Primarja ta’ Marsaxlokk rispettivament.
Iż-żjara offriet lill-istudenti ħarsa rari minn wara l-kwinti lejn waħda mill-faċilitajiet ewlenin tal-enerġija f’pajjiżna, b’enfasi fuq l-impenn għal soluzzjonijiet ta’ enerġija aktar nodfa u sostenibbli. Din l-opportunità unika kellha l-għan li ssaħħaħ il-fehim tal-istudenti dwar ir-responsabbiltà ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli f’kuntest tad-dinja reali.

Meta tkellem dwar l-inizjattiva, il-Kap Eżekuttiv ta’ ElectroGas Malta, Jorge Perez, irrimarka: “Li nilqgħu lill-istudenti tal-Iskola Primarja ta’ Marsaxlokk fil-faċilità tagħna fil-Jum Dinji tal-Ambjent huwa privileġġ. It-tranżizzjoni minn Heavy Fuel Oil għall-gass naturali likwifikat (LNG) kellha impatt pożittiv sinifikanti fuq il-kwalità tal-arja u l-emissjonijiet tal-karbonju ta’ Malta. Bħala ElectroGas Malta, nemmnu li huwa kruċjali li nuru liż-żgħażagħ kif dawn il-bidliet jagħmlu differenza reali. L-edukazzjoni hija l-pedament għal futur sostenibbli, u aħna kburin li nikkontribwixxu għal dak il-vjaġġ.”
Is-Sindku ta’ Marsaxlokk, Steven Grech, żied jgħid li din l-inizjattiva hija eżempju mill-isbaħ ta’ kollaborazzjoni komunitarja. “Il-Kunsill Lokali tagħna huwa grat lejn ElectroGas Malta talli ta donazzjoni ta’ kotba lill-Librerija ta’ Marsaxlokk li se jitgawdew mill-persuni kollha li jiffrekwentaw il-librerija. Din hija inizjattiva li l-kunsill jappoġġja bis-sħiħ u jinkoraġġixxi entitajiet oħra biex isegwu l-eżempju tagħhom. Il-kunsill jirringrazzja lil ElectroGas Malta għal din l-inizjattiva.”

Elaine Baldacchino, Kap tal-Iskola Primarja ta’ Marsaxlokk, esprimiet il-gratitudni tagħha għall-esperjenza. “Aħna tassew grati lejn ElectroGas Malta talli laqgħu lill-istudenti tagħna fil-Jum Dinji tal-Ambjent. Din iż-żjara kienet opportunità inkredibbli għalihom biex jitgħallmu direttament dwar l-enerġija sostenibbli u l-importanza tal-ħarsien tal-ambjent tagħna. Esperjenzi bħal dawn huma vitali fit-tiswir ta’ ċittadini infurmati u responsabbli. Nirringrazzjaw sinċerament lil ElectroGas Malta mhux biss għad-donazzjoni ġeneruża tagħhom lill-iskola tagħna, iżda wkoll talli investew fl-edukazzjoni tal-ġenerazzjonijiet futuri. Nistennew bil-ħerqa li nkomplu din il-kollaborazzjoni siewja fis-snin li ġejjin.”
Biex tappoġġja aktar l-edukazzjoni ambjentali fil-komunità lokali, ElectroGas Malta tat għażla ta’ kotba relatati mal-ambjent lill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk, li se jkunu disponibbli fil-Librerija tal-istess lokalita’. Barra minn hekk, ġew donati fannijiet tas-saqaf għall-installazzjoni fis-sala prinċipali tal-iskola, u b’hekk itejbu l-kumdità għall-istudenti u l-istaff matul ix-xhur sħan.