Tuesday, June 17, 2025

Studenti tal-primarja Għawdxin jitgħallmu dwar ħidmet il-bdiewa u r-raħħala

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ġie mistieden fl-Iskola Primarja Santa Tereża f’Ta’ Kerċem, fejn hemmhekk ġie ppreżentat bi proġett li sar mit-tfal u l-edukaturi flimkien mar-raħħala u l-bdiewa Għawdxin.

Ġie spjegat li l-istudenti għamlu stħarriġ ma’ 33 bidwi u raħħal, fejn setgħu jaraw mill-qrib il-ħidma tagħhom, filwaqt li staqsewhom dwar x’jagħtihom sodisfazzjon f’xogħolhom. Huma ppreżentaw lill-ministru xi suġġerimenti li ħarġu minn dan l-istħarriġ dwar kif jista’ jkompli jittejjeb dan is-settur.

Dawn l-istudenti qed jipparteċipaw ukoll fil-programm Let’s Talk Farming immexxi mill-Gvern sabiex jippromwovi s-setturi tal-agrikoltura u l-produzzjoni tal-ikel fl-iskejjel primarji ta’ pajjiżna.

Il-Ministru Anton Refalo tenna dwar l-importanza li minn età żgħira t-tfal jieħdu interess f’xogħol il-bidwi u r-raħħal. “Għalhekk li bħala Gvern qed nibqgħu nqarrbu s-settur lejn it-tfal, fl-iskejjel u anke fid-djar tagħhom, sabiex meta’ jieklu u jixorbu l-ikel u ħalib bnin u frisk, japprezzaw li wara dan kollu hemm ħidma, ħafna drabi iebsa.”

F’din iż-żjara kien hemm preżenti wkoll membri mill-Koperattiva Produtturi tal-Ħalib, li tkellmu mal-istudenti dwar is-settur tal-baqar u l-ħalib. 

Waqt l-istess żjara, il-Ministru Anton Refalo inawgura wkoll ġnien fi ħdan l-iskola li għadu kif ġie rinnovat u ħawwel ukoll siġra kommemorattiva. F’dan il-ġnien l-istudenti qed jiġu mgħallma kif jikkultivaw prodotti agrikoli kif ukoll it-trobbija ta’ xi annimali. B’dan il-mod, l-istudenti qed ikomplu jitgħallmu b’mod prattiku dwar iż-żamma tal-ġonna, il-biedja u l-importanza tal-produzzjoni lokali tal-ikel.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport