Tuesday, December 24, 2024

Studjati żewġ modi ta’ kif jista’ jsir il-ħlas ta’ parkeġġ fl-iskola tal-Qawra

Spazju ta’ 400 karozza fl-iskola primarja maħsub biex jiftaħ għall-pubbliku f’Lulju li ġej

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-400 post ta’ parkeġġ tal-iskola primarja tal-Qawra mistennija li jkunu disponibbli għall-pubbliku minn Lulju li ġej. Dan tħabbar f’risposta parlamentari mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, flimkien mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada u kkonfermat lil dan il-ġurnal mill-Viċi Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, Carlos Zarb. Min-naħa tiegħu Zarb qal lil Talk.mt li f’laqgħa li kellhom mal-Ministru Grima, huma ġew infurmati li l-parkeġġ se jkun aċċessibbli għar-residenti dan is-sajf. Waqt li qegħdin jistennew li jkun iffirmat il-ftehim, Zarb qiegħed jittama li jsiru d-diskussjonijiet meħtieġa dwar il-mod ta’ kif se jsir il-ħlas għal dan il-parkeġġ.

Dan l-ispazju ġdid fejn jinżammu l-karozzi se jgħin ħafna lir-residenti tal-madwar u lill-pubbliku minħabba li f’dawn l-aħħar snin, il-problema ta’ parkeġġ f’din iż-żona turistika żdiedet ħafna. Il-parkeġġ imsemmi huwa mibni taħt l-iskola “state of the art” li nfetħet fl-2020 bħala parti minn proġett kbir statali biex jilqa’ għall-bżonnijiet ta’ komunità dejjem tikber. Dan kien wieħed mill-affarijiet ippjanati mill-Gvern biex ma jkunx hemm aktar diffikultajiet ta’ pparkjar f’din iż-żona. 

Il-Viċi Sindku l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, Carlos Zarb, li l-lokalità tal-Qawra taqa’ taħt ir-responsabbiltà tagħhom, qalilna li bħala Kunsill kienu ilhom għal dawn l-aħħar sena u nofs jikkomunikaw mal-Ministru tal-Edukazzjoni fir-rigward u dan seħħ anke qabel ma nħatar il-Ministru Clifton Grima. Huwa qalilna li, “riċentement kellna laqgħa mal-Ministru Grima u waħda mill-affarijiet li tqajmu tul din il-laqgħa kien proprju l-parkeġġ fl-iskola tal-Qawra. Aħna nemmnu li dan għandu jkun aċċessibbli għar-residenti kemm jista’ jkun malajr u kien f’din il-laqgħa li infurmana li sal-aħħar ta’ Ġunju dan il-parkeġġ għandu jinfetaħ għar-residenti”.

Erba’ sulari ta’ parkeġġ – inqas karozzi fit-toroq

Zarb qal li, “hawnhekk qegħdin nitkellmu fuq erba’ sulari ta’ parkeġġ. L-operat għad irid jiġi diskuss għax irridu naraw bejn żewġ għażliet vijabbli”. Huwa qal li l-ewwel għażla hija dik li l-ħlas għall-parkeġġ jinħadem ta’ kuljum fejn persuna tidħol billi tħallas ammont żgħir ta’ flus u jkollha aċċess għal ġurnata sħiħa biex iħalli l-karozza fih. Il-mod l-ieħor studjat huwa li titħallas miżata ta’ kull sena u dak li jkun ikollu parkeġġ riservat għalih. “Din tal-aħħar tista’ tkun aktar ikkomplikata minħabba kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu. Aħna ma nixtiequx li jkun hemm min jaqla’ l-flus minn din l-aċċessibbiltà iżda li nftaffu l-problema tal-ipparkjar fiż-żona,” insista dan il-Viċi Sindku żagħżugħ.

“KOLLOX GĦADU F’FAŻI TA’ DISKUSSJONI. LI HUWA ŻGUR LI HEMM BŻONN LI NAGĦMLU L-EWWEL PASS BILLI JINFETAĦ AMMONT KBIR TA’ PPARKJAR li jkun aċċessibbli għar-residenti”

Carlos Zarb

Zarb qal li huwa jemmen li għandhom joperaw bl-ewwel għażla fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda (first come first serve). B’dan il-mod tkun solvuta l-problema tal-parkeġġ u jonqos l-ammont ta’ karozzi fit-toroq fl-inħawi. 

“F’dan l-istadju qegħdin naraw li jinfetħu l-ewwel tliet sulari għax għalissa sular minnhom se jkun riservat għall-għalliema tal-istess skola. Però, kollox għadu f’fażi ta’ diskussjoni. Li huwa żgur huwa li hemm bżonn li nagħmlu l-ewwel pass billi jinfetaħ ammont kbir ta’ pparkjar li jkun aċċessibbli għar-residenti,” insista Zarb.

Il-Viċi Sindku ried jagħmilha ċara li sal-aħħar ta’ Ġunju huwa ppjanat li jitlesta l-memorandum of understanding (MOU) u mbagħad kulma jkun jonqos huwa li jkun iffinalizzat kif se tinħadem is-sistema. “Din tista’ ssir f’Lulju. Min-naħa tiegħi nittama li l-operat ta’ din is-sistema jiġi diskuss f’dan ix-xahar ħalli nilħqu niftħuh kemm jista’ jkun malajr”. 

Dan il-ġurnal kien diġà ppubblika d-diffikultajiet li jista’ jsolvi l-parkeġġ tal-iskola tal-Qawra. Is-sena l-Ministeru tal-Edukazzjoni kien qalilna li qiegħed jesplora modalitajiet differenti biex jamministra l-użu ta’ dan il-parkeġġ fejn speċifika li, “imma dan isir wara li jkun żgurat li m’hemmx inkonvenjent li dan l-użu jista’ joħloq minn terzi”. 

Issa li dan l-aċċess se jingħata, żgur li l-problema tal-parkeġġ fil-lokalità se tittaffa. Ħafna se jilqgħu bi ħġarhom din l-aħbar u dan minħabba li wara ċertu ħin ir-residenti tal-Qawra assolutament ma jsibux fejn iħallu l-karozza tagħhom. Fil-fatt, residenti li jgħixu faċċata tal-iskola u l-madwar kienu qegħdin jispiċċaw iħallu l-vetturi tagħhom f’għalqa fil-viċin. 

Dawn kienu saħqu magħna li jippreferu jħallsu miżata żgħira u jdaħħlu l-karozza tagħhom f’dan il-parkeġġ milli jkomplu jaqilgħu ċ-ċitazzjonijiet. Kien issemma’ wkoll il-fatt li hemm residenti li ma jifilħux jikru garaxx u r-realtà li f’din iż-żona lanqas jekk wieħed ikun irid jikri garaxx, ma jsib.

Ekonomija

Sport