Friday, November 22, 2024

Studji bikrin juru li l-Omicron huwa inqas b’saħħtu mid-Delta

Aqra wkoll

Studji preliminari ppubblikati ġewwa r-Renju Unit u l-Afrika t’Isfel jgħidu li l-mewġa tal-Omicron jidher li hija inqas severa. Skont l-evidenza bikrija li hemm s’issa, inqas persuni qed ikollhom jidħlu għall-kura l-isptar meta mqabbel ma’ varjanti oħra – bl-istimi juru tnaqqis ta’ bejn 30% u 70%.

Iżda t-tħassib huwa li minkejja li l-Omicron jista’ jkun inqas b’saħħtu minn varjanti oħrajn, il-fatt li dan jinfirex b’rata mgħaġġla ħafna dan xorta waħda jista’ jpoġġi pressjoni sostanzjali fuq is-sistemi tas-saħħa. Ta’ kuljum qed isiru testijiet u analiżi fuq il-varjant Omicron u dawn l-istudji huma importanti biex jgħinu lill-pajjiżi jsibu l-aħjar mod kif jirrispondu għal dan il-virus. 

L-istudju tar-Renju Unit, li sar ġewwa l-Iskozja, eżamina l-każijiet ta’ Covid-19 u n-numru ta’ persuni spiċċaw l-isptar minħabba dan. L-istudju jgħid li jekk l-Omicron jġib ruħu l-istess bħad-Delta, dan ifisser li kieku bħalissa diġà hemm 47 persuna l-isptar, iżda s’issa hemm biss 15. Għalhekk ir-riċerkaturi qalu li huma qed jaraw tnaqqis sostanzjali fin-numru ta’ persuni li qed ikollhom bżonn kura ġewwa l-isptar. Iżda ta’ min jgħid li għadu kmieni ħafna biex wieħed jgħid b’ċertezza. 

Fil-preżent il-varjant Omicron qiegħed jinfirex b’ritmu mgħaġġel ħafna u jekk dan ikompli jseħħ dan jista’ jpoġġi pressjoni kbira fuq l-isptarijiet anke jekk jagħti l-każ li jkun inqas qawwi. Il-Professur Mark Wollhouse mill-Università ta’ Edinburgh qal li, “infezzjoni individwali tista’ tkun ħafifa għall-maġġoranza tan-nies, iżda il-potenzjal li dawn l-infezzjonijiet jiġu kollha f’daqqa dan jista’ jpoġġi pressjoni enormi fuq is-sistema tas-saħħa.”

Intant, studju ieħor minn ġewwa l-Afrika t’Isfel ukoll qiegħed jindika li l-Omicron huwa inqas b’saħħtu. Skont l-istudju li għamlu dawn jidher li l-maġġoranza assoluta ta’ dawk infettati bl-Omicron ma jkollhomx bżonn ta’ kura ġewwa l-isptar.

In-nuqqas ta’ severità ta’ dan il-varjat hu maħsub li hija kombinazzjoni bejn it-tilqim u l-livell ta’ immunità minn infezzjonijiet ta’ qabel. Skont l-Imperial College London, jidher li l-mutazzjonijiet li seħħew fl-Omicron wassluh biex jiddgħajjef meta mqabbel ma’ Delta.

Sport