Monday, December 23, 2024

Studji b’indikazzjonijiet inkoraġġanti għal dawk li diġà ġew infettati bil-Covid-19

Aqra wkoll

Żewġ studji ġodda qed jindikaw li persuni li ġew infettati bil-Covid-19 jista’ jkollhom forma ta’ protezzjoni kontra infezzjonijiet futuri oħrajn tal-virus. Riċerkaturi sabu li persuni li rabbew antibodies kontra l-virus huma inqas suxxettibbli li jirriżultaw pożittivi sa sitt xhur u possibbilment aktar.

Dawn ir-riżultati jawguraw tajjeb għall-vaċċini, li jipprovokaw lis-sistema immunitarja biex trabbi antibodies kontra l-virus.

Dr Ned Sharpless, direttur tal-US National Cancer Institute, qal li riċerkaturi sabu li persuni b’antibodies minn infezzjonijiet natura li huma “f’riskju inqas” li jerġgħu jiġu infettati bil-virus.

Tenna li huwa “rari ħafna li wieħed jerġa’ jiġi infettat”.

L-istudju mwettaq mill-istitut mediku mhuwiex relatat mal-kanċer, bil-biċċa l-kbira tar-riċerkaturi federalijibdew jirriċerkaw il-coronavirus minħabba l-pandemija.

Iż-żewġ studji li saru użaw żewġ tipi ta’ testijiet. Wieħed minnhom kien test tad-demm għal antibodies. L-istudju l-ieħor kien jinvolvi t-teħid ta’ kampjuni fost oħrajn mill-imnieħer jew mill-ħalq biex jinstab jekk persuna hijiex infettata bil-virus, jew kinitx infettata riċentament.

Wieħed mill-istudji, li kien ippubblikat ilbieraħ min-New England Journal of Medicine, kien jinvolvi lil aktar minn 12,500 ħaddiem mediku fl-isptarijiet tal-Università ta’ Oxford fir-Renju Unit. Fost l-1,265 persuna li nstab li kienu rabbew antibodies kontra l-virus, tnejn minnhom biss irriżultaw pożittivi għall-virus fis-sitt xhur sussegwenti u l-ebda minnhom ma żviluppaw sintomi.

Dan jikkuntrasta bil-kbir mal-11,364 ħaddiem mediku li inizjalment ma rriżultax li kellhom antibodies kontra l-Covid-19, b’223 minnhom jirriżultaw pożittivi għall-virus fis-sitt xhur ta’ wara t-test.

L-istudju tan-National Cancer Institute kien jinvolvi lil aktar minn 3 miljun persuna li sarilhom test ta’ antibodies f’żewġ laboratorji privati fl-Istati Uniti. Kienu biss 0.3% dawk li inizjalment irriżulta li kellhom antibodies kontra l-virus li aktar tard reġgħu ġew infettati bil-Covid-19, b’paragun mat-3% ta’ dawk li fil-bidu ma kellhomx antibodies.

Sharpless qal li huwa gratifikanti li riċerkaturi ta’ Oxford raw l-istess tnaqqis fir-riskju – sa għaxar darbiet inqas – li persuna terġa’ tiġi infettata bil-virus jekk l-antibodies ikunu preżnti.

Fl-istess waqt Joshua Wolf, speċjalist ta’ mard infettiv minn St Jude Children’s Research Hospital, qal li antibodies jafu ma jkunux qed joffru protezzjoni. Tenna li l-antibodies jafu jkunu sinjal li partijiet oħrajn tas-sistema immunitarja jistgħu jiġġieldu lill-persuna għal espożizzjoni ġdida tal-virus.

Wolf żied jgħud li “ma nafux kemm din l-immunità tibqa’ fis-seħħ”. Qal li każijiet ta’ persuni li reġgħu ġew infettati bil-Covid-19 kienu konfermati “għaldaqstant jeħtieġ li l-persuni jipproteġu lilhom infushom u lil oħrajn billi jipprevjenu li jerġgħu jiġu infettati mill-ġdid”.

Ekonomija

Sport