“Fix-xhur li ġejjin se ssir ħidma fuq studju tal-politika dwar l-estetika biex ikollna binjiet u żoni urbani isbaħ filwaqt li se jsiru studju importanti dwar żvilupp komprensiv biex nindirizzaw żoni mitluqa u bini ikrah fil-pajjiż imma wkoll nipprovaw nevitaw dawk li jissejħu pencil developments.”
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia f’konferenza stampa li indirizza flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet u l-Kostruzzjoni Chris Agius fi Triq Sant’Anna fil-Floriana bit-tema “Malta li rridu għal uliedna”.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Farrugia elenka diversi miżuri tal-budget fosthom inċentivi biex in-nies jixtru proprjetà fl-Urban Conservation Areas. Għal dawk il-first time buyers li jixtru proprjetà f’dawn iż-żoni se jirċievu grant ta’ €15,000 u jekk il-binja tkun ġewwa Għawdex, dawn jibbenefikaw minn grant ta’ €30,000.
Dwar il-qasam tal-ambjent, il-Ministru Farrugia qal li s-sena d-dieħla se naraw li jitlestew il-proġetti ta’ urban greening li kollha kemm huma jmissu mal-€1.5 miljun kull wieħed f’Ħaż-Żabbar, Ħal Qormi, il-Mosta u l-Ħamrun.
Minbarra hekk, mistenni jitlestew ukoll xogħlijiet li bdew f’San Anton fejn hemm ħsarat strutturali, il-green roof fuq il-Liċeo tal-Ħamrun, il-Ġnien Romeo Romano u l-ġnien tal-Belvedere fil-Marsa.
Dwar it-tisqif tal-mini ta’ Santa Venera, huwa qal li “wasalna fl-aħħar studji tagħna biex naraw x’mudell finanzjarju se nadottaw u mhux eskluż il-Public Private Partnership li nistgħu nesploraw mal-privat għal dan il-proġett.”
Dwar Triq Sant’Anna, il-Ministru Farrugia qal li wara studji ġeoloġiċi li saru fl-aħħar xhur, issa se jmorru għal studji aktar dettalji fosthom fuq it-traffiku, studji ta’ stutturi, arkeoloġiċi u landscapting.
Huwa semma wkoll kif il-Budget 2022 huwa wieħed li jħares fit-tul bi pjan strateġiku ta’ kif se naslu għall-miri li għandu quddiemu dan il-pajjiż fosthom fit-tibdil fil-klima. “Se jkollna miżuri costed li jwassluna għal żewġ skadenzi. Tellaqna strateġija u se naraw li jkollna dan il-pjan jitwettaq. Se jkollna Bord ta’ Moniteraġġ li jirrapporta lill-Kabinett tal-Ministri dwar il-progress li kull Ministru qed jagħmel f’dan ir-rigward.”
Dwar l-immaniġġjar tal-iskart, il-Ministru Farrugia qal li dan il-Gvern qed jara li fl-ewwel kwart tal-2022, jingħata bidu għall-impjant Waste-To-Energy.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Chris Agius tkellem fost oħrajn dwar il-miżuri li jolqtu s-settur tal-proprjetà u l-kostruzzjoni. Huwa semma kif l-iskema tal-first-time buyers għal darba oħra reġgħet ġiet estiża.
Huwa żied jenfasizza li matul din is-sena twaqqfet ukoll l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni u dan il-budget qed jalloka għaliha €9 miljun sabiex mhux biss naraw li jkollna aktar riżorsi umani imma wkoll ikollna strutturi kollha f’posthom.
“Qed naraw ukoll li jkollna numru ta’ regolamenti ġodda fosthom dwar il-ħiliet minimi tal-ħaddiema, il-liċenzjar tal-kuntratturi kif ukoll id-dħul fis-seħħ tal-construction project manager.
“Fiż-żmien li ġej se naraw li jkollna bidliet fil-ħinijiet ta’ meta jsir xogħol ta’ skavar u twaqqigħ. Matul din is-sena wkoll daħlet fis-seħħ il-liġi tas-sensara. L-ammont ta’ applikazzjonijiet li kellna kienu konsiderevoli.
“Fl-ewwel tliet kwart din is-sena kellna 10,440 kuntratt meta fl-2018 il-kuntratti li kellna kienu 9,400. Din is-sena fl-imsemmi perjodu, il-valur ta’ bejgħ ta’ proprjetà kellna €2.26 biljun meta fl-2018 l-ammont ta’ proprjetà mibjugħa kien laħħaq il-ftit aktar minn €1 biljun”, temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Agius.