Minn studju dwar l-aqwa pajjiżi Ewropej li wieħed jista’ jikkonsidra biex jirtira fihom, ibbażat fuq il-fatturi tal-popolazzjoni; kemm persuna tgħix; l-għoli tal-ħajja; il-prezzijiet tal-proprjetà; il-viża; is-sigurtà, il-bajjiet u s-sistemi tas-saħħa, il-Portugall klassifika fl-ewwel post. Dan għax il-Portugall huwa wieħed mill-aktar pajjiżi affordibbli fl-Ewropa. F’din il-lista ta’ 10 pajjiżi, Malta ġiet fid-disa’ post.
Ċifri maħruġa minn “SmartAsset” fil-fatt juru li bħala medja, l-għoli tal-ħajja barra l-kera, fil-Portugall huwa kważi 29% inqas mill-Istati Uniti. Biex ċittadin Amerikan jirtira fil-Portugall irid japplika għal viża ta’ reżidenza mentri l-Maltin igawdu mil-libertà tal-moviment għal żjarat qosra. F’każ ta’ perjodu twil, iċ-ċittadini Maltin jistgħu joqogħdu f’dan il-pajjiż għal 60 xahar permezz tad-digital nomad visa (Portugal D7). F’dan il-każ, trid tingħata prova ta’ dħul ta’ €7,000 fis-sena.
F’ċirkostanzi fejn ċittadini għandhom bżonn viża, huwa rrapportat li l-proċess huwa pjuttost faċli fejn l-applikanti jridu jippreżentaw passaport validu, dikjarazzjoni ta’ dħul, assikurazzjoni tas-saħħa u ċertifikat ta’ kondotta nadifa.
Il-Portugall huwa l-aktar magħruf għall-inbid. L-aktar żewġ reġjuni Portuġiżi bi tradizzjoni li tmur lura ħafna snin li jipproduċu l-inbid huma Alto Douro u Pico Island f’Azores. Dawn huma siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.
Spanja u l-Italja ras imb’ras
Il-lista tal-aħjar disa’ pajjiżi l-oħra barra l-Portugall għal irtirar ideali huma: Spajna u l-Italja, il-Greċja, il-Bulgarija, Franza, Slovenja, il-Kroazja, Malta u l-Irlanda.
Fit-tieni post irriżultaw kemm Spanja, kif ukoll l-Italja hekk if dawn iż-żewġ pajjiżi fir-rapport kisbu l-istess punteġġ – 7.31. Fost l-affarijiet attraenti għall-persuni li jirtiraw hemm dak tal-għoli tal-ħajja fejn fi Spanja (barra l-kera) dan huwa kważi 34% inqas minn dak fl-Istati Uniti. Fattur ieħor pożittiv ħafna huwa dak li dan il-pajjiż joffri lir-residenti tiegħu aċċess għall-programm tas-saħħa pubblika.
Spanja hija magħrufa għall-kultura rikka tagħha kif ukoll għall-arkitettura fil-bliet ewlenin fosthom f’Madrid, f’Barcelona u f’Valencia. Ta’ min jgħid li skont “Club Med”, din is-sena Barcelona ngħatat it-titlu tal-aktar destinazzjoni ferriħija għall-vaganza fl-Ewropa.
Filwaqt li fl-Istati Uniti bħala medja n-nies jgħixu sa 76 sena, skont il-“The World Bank”, fl-Italja din il-medja fl-2021 kienet diġà ta’ 83 sena. Dan ir-rapport fir-rigward jgħid li fl-Italja hemm l-ogħla persentaġġ minn kull pajjiż ieħor fl-Ewropa ta’ persuni li għandhom minn 65 sena ‘l fuq u aktar.
Id-WHO dwar is-sistema tas-saħħa pubblika Taljana…
Il-kera f’dan il-pajjiż ġar tagħna hija kważi 55.3% inqas minn dik mitluba fl-Istati Uniti u l-għoli tal-ħajja (barra l-kera) huwa 14.7% inqas minn dak li jġorru l-Amerikani.
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tikklassifika s-sistema tas-saħħa pubblika Taljana bħala t-tieni l-aqwa fid-dinja. Biex persuna tkun tista’ tuża s-sistema nazzjonali tal-kura tas-saħħa pubblika, trid tkun residenti.
Kif ħafna jafu, speċjalment aħna l-Maltin, l-Italja toffri varjetà kbira ta’ ikel. Barra minnhekk, l-Istorja ta’ dan il-pajjiż hija famuża mad-dinja kollha. Fost l-attrazzjonijiet il-kbar hemm il-Kolossew, it-Torri ta’ Pisa u l-Funtana ta’ Trevi.