Friday, November 15, 2024

Studju ġdid juri li trabi mwielda tul il-Covid-19 jitkellmu inqas u jiżviluppaw aktar bil-mod

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Trabi mwielda tul il-pandemija tal-Covid-19 artikolaw inqas ħsejjes vokali u qiegħed ikollhom inqas komunikazzjoni verbali mal-persuni li jieħdu ħsiebhom meta mqabbla ma’ dawk li twieldu qabel il-Covid-19. Dan ħareġ minn studju indipendenti mill-Università ta’ Brown’s li tispeċjalizza fl-iżvilupp tal-lingwa fl-ewwel snin tal-ħajja tal-bniedem.

Żewġ gruppi ta’ riċerkaturi użaw teknoloġija apposta – it-“talk pedometer” – biex janalizzaw l-iżvilupp ta’ trabi mwielda f’dawn l-aħħar sentejn. L-apparat jagħti informazzjoni ddetaljata dwar dak li jisimgħu t-tfal tul il-ġurnata. Dan jgħodd in-numru ta’ kliem li jingħad lit-tfal mill-adulti, kif ukoll il-ħsejjes jew kliem li jtennu l-istess tfal. It-talk pedometer jirreġistra wkoll il-konversazzjoni li jkun hemm bejn l-adulti u t-trabi, attività ferm importanti għall-iżvilupp tal-lingwa fiż-żgħar.

“Hija proprju din il-konversazzjoni li tgħin biex jiżviluppa l-moħħ,” spjega Sean Deoni minn Brown’s. Minħabba r-riżultati minn dan l-istudju huwa esprima tħassib dwar il-futur tat-tfal li twieldu wara li bdiet l-imxija tal-Covid-19. Din l-evidenza inkwetanti u s-sejba li hemm dewmien fl-iżvilupp fost il-trabi instabet wara li sar studju li analizza l-iżvilupp ta’ tfal li twieldu qabel il-Covid-19 ma’ oħrajn li twieldu wara.

Deoni huwa r-riċerkatur ewlieni fil-laboratorju tal-Brown’s Advanced Baby Imagining. Flimkien ma’ riċerkaturi oħra huwa kien minn tal-ewwel li skopra din il-problema. Dan seħħ meta wara Marzu tas-sena 2000 grupp ta’ tfal marru fil-laboratorju u damu aktar biex jaħdmu eżerċizzji konjittivi.

Huwa qal li t-tfal, “kienu inqas attenti u ma kienux qegħdin jilħqu l-livell normali bħal dawk li neżaminaw is-soltu”. Kienet proprju din il-bidla li wasslet biex Deoni jiġbor tagħrif fost madwar 800 tifel u tifla fil-faċilità li ilu jaħdem fiha għal dawn l-aħħar snin. 

Wara li studja bir-reqqa l-X-Rays tal-imħuħ u analizza r-riżultati, dan ir-riċerkatur u t-tim tiegħu sabu li fl-2021 u l-2022 kien hemm tnaqqis sostanzjali fl-iżvilupp tal-lingwa fost it-trabi. Din is-sejba tat bidu għal riċerka oħra li l-għan warajha huwa li jkun magħruf għala hemm dan it-tnaqqis fl-iżvilupp ta’ dawn it-tfal.

Fl-inkjesta r-riċerkaturi analizzaw tagħrif miġbur fost tfal ta’ bejn it-12 u s-16-il xahar li twieldu qabel l-2019 (jiġifieri sew qabel il-pandemija) u oħrajn li twieldu wara l-Lulju tal-2020 (wara li nfirex il-Covid-19). Ir-riżultati kkonfermaw tnaqqis fil-funzjoni verbali fost it-trabi li twieldu wara l-imxija globali.

Dan l-istudju sab li f’dan il-perjodu l-adulti naqqsu n-numru ta’ kliem li s-soltu jgħidu lit-tfal tagħhom, b’konsegwenza ta’ impatt negattiv fuq din il-ġenerazzjoni l-ġdida. L-ebda grupp ta’ riċerkaturi ma ffokaw fuq il-kawża ta’ dan id-dewmien fl-iżvilupp tal-lingwa fost it-tfal iżda Deoni qal li ż-żieda fl-istress, dipressjoni u għejja kkawżati mill-pandemija tista’ tkun waħda mill-possibbiltajiet.

Ekonomija

Sport