Saturday, November 23, 2024

Studju juri li n-nies jemmnu li Franco Debono kellu jikkontesta

Aqra wkoll

Dawk li vvotaw lill-PN b’opinjoni kontra

Minn CARMEN CACHIA

Studju li sar fil-bidu ta’ din ix-xahar juri li l-maġġoranza tal-Maltin jemmnu li Franco Debono kellu jikkontesta għall-kariga ta’ kap tal-Partit Nazzjonalista mentri dawk li vvotaw mill-inqas darba lill-PN fl-aħħar tliet elezzjonijiet ġenerali ma jaqblux ma’ dan.

Dan l-istudju sar mill-istatistiku Dr Vincent Marmara bejn it-3 u s-6 ta’ Awwissu u fih ipparteċipaw 500 persuna bl-etajiet ta’ ‘l fuq minn 16-il sena. 

Mistoqsijiet fl-istudju ma nkludewx lill-avukat Bernard Grech li ħabbar il-kandidatura tiegħu wara li sar l-imsemmi stħarriġ. Grech kien l-unika wieħed li kkontesta lil Delia għall-kariga ta’ Kap tal-PN wara li lbieraħ għalaq il-perjodu li fih setgħu jintefgħu n-nomini għall-ħatra tal-kap.  

Minn dan l-istħarriġ irriżulta li Franco Debono huwa l-aktar favorit fost il-kandidati mhux attivi fil-Partit Nazzjonalista biex jgħin lil dan il-partit jerġa’ jorganizza lilu innifsu. Barra minn hekk Franco Debono kiseb ukoll fiduċja biex ikun il-mexxej il-ġdid tal-PN bi 28.9% tal-voti segwit minn Adrian Delia u Therese Comodini Cachia fl-aħħar post.

Il-parteċipanti fl-istħarriġ ta’ Marmara kienu mitluba jagħtu tliet ismijiet ta’ persuni li preżentament m’humiex attivi fil-PN, li fl-opinjoni tagħhom li l-partit ikollu bżonnhom għar-ri organizzazzjoni tiegħu. Fl-ewwel tliet postijiet issemmgħu Franco Debono b’maġġoranza ta’ 28.0%, Lawrence Gonzi b’18.2% u Eddie Fenech Adami 12.7%. 

Mogħtija l-għażla bejn Adrian Delia, Therese Comodini Cachia u Franco Debono fit-tmun tat-tmexxija tal-PN, il-maġġoranza tal-popolazzjoni Maltija għażlet għal darb’oħra lil Franco Debono, warajh b’28.0% lil Adrian Delia, 16.6% lil Therese Comodini Cachia, mentri 26.5% irrispondew li l-ebda wieħed jew waħda minnhom. 

Fost dawk li vvotaw mill-inqas darba lill-PN f’dawn l-aħħar tliet elezzjonijiet ġenerali 32.2% qalu li jippreferu lil Adrian Delia, 27.2% lil Franco Debono, 24.4% lil Therese Comodini Cachia u 16.3% qalu li ħadd minnhom.

Fost tagħrif ieħor miġbur f’dan l-istudju 55.9% tal-parteċipanti jemmnu li Franco Debono għamel proposti u kritika tajba qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 u dan il-perċentwal kien viċin ħafna, jiġifieri 56.0%, fost dawk li vvotaw mill-inqas darba lill-PN fl-aħħar tliet elezzjonijiet ġenerali.

Perċentwal għoli – 63.7% – jemmnu li Franco Debono kellu jingħata aktar opportunità biex jaħdem meta kienu fil-Parlament. Rigward dan, fost dawk li vvotaw lill-PN mill-inqas darba fl-aħħar tliet elezzjonijiet qablu b’total ta’ 62.3%, mentri jekk wieħed jeskludi lil dawk li rrispondew li ma jafux fost nies li vvotaw mill-inqas darba fl-aħħar tliet elezzjonijiet ġenerali, ir-riżultat kien ta’ 75.5% għall-‘iva’ u 24.4% ‘le’.

Il-parteċipanti kienu mistoqsija jekk jaħsbux li jekk Franco Debono kellu jingħata aktar spazju seta’ għen lill-PN biex ma jispiċċax f’dan l-istat, irriżulta li 39.6% qalu ‘iva’, 27.3% ‘le’ u 33.1% li ma jafux.

Sezzjoni oħra mill-istħarriġ talbet lill-parteċipanti biex jagħżlu bejn Franco Debono u Louis Galea. Huma ġew mistoqsija minn minnhom, fl-opinjoni tagħhom, ikun aktar ta’ ġid għall-PN u t-tiġdid tiegħu. 46.4% għażlu lil Franco Debono, mentri 16.6% lil Louis Galea. Fost l-individwi li vvotaw mill-inqas darba lill-PN fl-aħħar tliet elezzjonijiet ġenerali Franco Debono reġa’ kien il-favorit b’44.9% tal-voti, mentri 23.3% għażlu lil Louis Galea. Debono rebaħ il-maġġoranza b’62.5% meta mqabbla mat-32.4% għal Louis Galea meta tneħħew dawk li rrispondew li ‘ma jafux’ fost l-elettorat li vvota mill-inqas darba lill-PN fl-aħħar tliet elezzjonijiet.

42.9% tal-popolazzjoni Maltija li ħadet sehem f’dan l-istħarriġ trid li Franco Debono jikkontesta bħala mexxej għall-Partit Nazzjonalista, mentri 35.4% huma kontra u 21.8% ma jafux. Dan il-perċentwal jonqos għal 38.4% fost dawk l-individwi li taw il-vot tagħhom imqar darba fl-aħħar tliet elezzjonijiet ġenerali, mentri 47.8% qalu li huma kontra. 

Mistoqsija jekk jemmnux li Franco Debono għandu jikkontesta għal xi kariga oħra fit-tmexxija tal-PN fosthom dik ta’ Deputat mexxej, 46.3% qalu ‘iva’, 34.7% ‘le’ u 19.0% ‘ma nafx’. L-istess mistoqsija fost dawk li vvotaw lill-PN mill-inqas darba fl-aħħar tliet elezzjonijiet ġenerali 47.2% jaqblu, mentri 41.5% kienu kontra.

L-aħħar mistoqsija fl-istħarriġ kienet jekk il-fatt li issa Lawrence Gonzi qiegħed jeħodha kontra l-mexxej tal-PN, jaħsbux li Franco Debono u deputati oħra fil-PN kellhomx id-dritt li jeħduha kontra Gonzi. Dwar dan 33.7% qal ‘iva’, 26.1% qalu ‘le’ mentri l-maġġoranza b’40.2% kienu bejn ħaltejn. Fost dawk li vvotaw mill-inqas darba lill-PN fl-aħħar tliet elezzjonijiet ġenerali l-maġġoranza irrispondew fl-affermattiv, segwiti minn dawk kontra b’34.1%, mentri 31.5% qalu li ma jafux.

Meta wieħed jeskludi lil dawk li rrispondew li ma jafux fost dawk li vvotaw mill-inqas lill-PN fl-aħħar tliet elezzjonijiet ġenerali, l-opinjonijiet opposti rriżultaw viċin ħafna b’total ta’ 50.2% jgħidu ‘iva’ u 49.8% jgħidu li ‘le’.

Sport