Tuesday, July 22, 2025

Studju tal-Bank Ċentrali jikkonferma kemm is-sussidji tal-enerġija qed jagħmlu differenza

Aqra wkoll

Studju ppubblikat minn Noel Rapa, il-Kap tad-Dipartment ta’ Riċerka tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, jikkonferma kemm is-sussidji tal-enerġija għamlu differenza fl-aħħar snin. Tant li dan l-ekonomista jsostni li “the policy supported economic activity, reduced inflation, and protected low-income households”.

Ir-riċerka tindika li kieku ma ngħatawx is-sussidji kieku l-ekonomija Maltija kienet tkun 1.3% anqas. L-aktar li kienu jbatu miż-żieda fil-prezzijiet kienu ser ikunu dawk il-familji bi dħul baxx għax dawn jonfqu proporzjon relattivament akbar tad-dħul tagħhom fuq elettriku. Fil-fatt Rapa jinnota li l-piż tal-inflazzjoni fuq dawk bl-anqas dħul kien ikun id-doppju ta’ dak li kien se jolqot lill-familji bl-akbar dħul. Għalhekk is-sussidji kienu politika progressiva.

L-istudju jikkonferma li Malta kienet l-pajjiż li l-aktar ta sostenn lill-familji u negozji fil-qasam tal-enerġija. Dan hekk kif is-sostenn qabeż il-5% tal-prodott domestiku gross, kontra 3.2% madwar l-Unjoni Ewropea. Tant li Rapa jinnota li “Malta was the only EU country that did not experience any increase in retail energy prices during the global energy crisis.”

Il-Kap tad-Dipartiment ta’ Riċerka tal-Bank Ċentrali jindika li kieku l-Gvern kellu jwaqqaf is-sussidji b’mod immedjat, il-prezz tal-enerġija f’pajjiżna jitla’ f’daqqa bi 13%. Dan kieku jwassal biex il-prodott domestiku gross jonqos b’madwar 0.6%. Din id-daqqa fl-attività ekonomika tiġi kemm għax il-familji jispiċċaw inaqqsu l-konsum tagħhom, kif ukoll għax tonqos il-kompetittività ta’ pajjiżna tant li l-esportazzjoni tonqos b’0.7%. L-akbar daqqa fil-konsum tkun fost il-familji bl-aktar dħul baxx f’pajjiżna.

Fid-dawl ta’ dan l-ekonomista jirrakkomanda li jekk is-sussidji kellhom jonqsu, jkun importanti li l-flus li jiffranka l-Gvern ikunu diretti lura lill-familji bl-anqas dħul, kif ukoll li jsir xi forma ta’ investiment f’enerġija rinnovabbli ħalli tonqos id-dipendenza fuq enerġija impurtata. Imma l-istudju jindika li anke kieku dan iseħħ, it-tneħħija tas-sussidji fuq l-enerġija twassal għal tnaqqis fil-prodott domestiku gross ta’ 0.4%.

Dan jindika kemm huwa importanti li jkun hemm ippjanar fit-tul fil-kamp tal-enerġija. Tnaqqis fis-sussidji mingħajr investiment fil-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi lokali jkollha effetti negattivi ekonomiċi konsiderevoli. Huwa għalhekk kruċjali li l-Gvern ikompli bil-pjanijiet li għandu ħalli pajjiżna jkollu aktar enerġija rinnovabbli, fosthom bil-pjan ta’ offshore windfarms.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport