Il-Malta International 2022, l-ewwel tax-xorta tiegħu wara 30 sena saru fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera f’Malta x-xahar li għadda. Kien suċċess kbir b’mijiet ta’ plejers minn madwar id-dinja kollha pparteċipaw biex jiksbu t-titlu u punti importanti ta’ klassifikazzjoni dinjija. It-tournament attira plejers klassifikati ħafna fid-dinja bħal Ade Resky Dwicahyo, klassifikat fit-73 post fid-dinja, Vivien Sandorhazi klassifikat fis-96, kif ukoll numru tajjeb ħafna ta’ plejers lokali li taw kollox biex jisfidaw lil dawn il-players internazzjonali f’darna.
Fir-rawnds ta’ kwalifikazzjoni, Samuel Cali rnexxielu javvanza rawnd fl-ewwel ġurnata wara li għeleb lil Joseph Waugh mill-Ingilterra, 15-21, 21-13, 22-20. Kienet partita missielta ħafna b’kull rally jintrebaħ u jintilef bi ftit. Cali tilef l-ewwel logħba iżda dan ma żammux lura milli jkompli jippersisti biex imbgħad rajnieh jirbaħ it-tieni u t-tielet games biex jassigura post fir-rawnd li jmiss. Fir-round tat-32 imbagħad iffaċċja lil Gabriel Rodrigues mill-Portugall li wera superjorità fuq il-player lokali u rebaħ 21-4, 21-13.
Fit-tieni jum, xi logħbiet missielta ħafna wkoll matul il-ġurnata. Samuel Cassar affronta lill-Ukranjan Danylo Skrynnik u tilef f’2 logħbiet 22-20, 21-18. Ħafna rallys kompetittivi li setgħu marru fuq kull naħa u li setgħu biddlu n-naħa ta’ kull punt speċjalment fl-ewwel logħba. Aktar tard Matthew Abela ffaċċja lil Dimitar Yanakiev mill-Bulgarija, plejer ferm ippreparat u tekniku li kellu l-vantaġġ fuq Abela u rebaħ 21-12, 21-10 u mbagħad irnexxielu jasal sal-finali tat-tournament fejn imbagħad tilef kontra s-seed numru 1 Ade Resky Dwicahyo fejn Yanakiev tilef fuq 3 games b’punti viċini ħafna.
Fid-doubles, Samuel Cali u Matthew Galea affaċċjaw lit-Taljani Alessandro Gozzini u Luca Zhou u tilfu 21-12, 21-10 filwaqt li Mark Abela u Samuel Cassar affaċċjaw lil Matthew Abela li ngħaqad mal-player Żvediż Shaun Ekengren, li rnexxielhom jegħlub l-isfida għal kollox Maltija fi 3 logħbiet: 21-16, 20-22, 21-19. L-iskor innifisu juri r-ritmu u l-kompetittività tal-partita stess li offriet spettaklu lil dawk kollha preżenti. B’dawk il-logħbiet lesti, bosta plejers Maltin oħra għamlu l-preżenza tagħhom fil-Malta International 2022, b’Nigel Degaetano u Lauren Azzopardi jirnexxielhom jersqu l-eqreb lejn l-avversarji tagħhom u jitilfu 21-14, 24-22.
Matthew Abela u Shaun Ekengren irnexxielhom jaslu sal-Kwarti tal-Finali wara li għelbu l-isfida mill-koppja Iżraeljana Gal Hiram u Amir Shapira u wara ġew eliminati fil-Kwartieri kontra Jarne Schlevoigt u Nikolaj Stupplich mill-Ġermanja.
I-Ħadd, fl-aħħar jum tat-tournament, assistejna għal ħafna semifinali u finali kompetittivi, ta’ livell għoli u missielta ferm bir-rebbieħa kollha jiġu ppreżentati bi trofej biex ifakkru din l-edizjoni tal-Malta International. Waqt il-preżentazzjonijiet, ġew ippreżentati żewġ tifkiriet speċjali mill-President ta’ Badminton Malta Owen Grech, l-ewwel waħda lir-referee tat-tournament Erik Ligtvoet li issa qed jirtira minn din il-kariga kif wkoll preżentazzjoni lil Jo’Anne Cassar li qed tiċċelebra 10 snin ta’ servizz bħala Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni.
B’mod ġenerali, il-Malta International kienu suċċess kbir u xhieda tal-popolarità dejjem tikber tal-isport f’Malta. L-edizzjoni li jmiss diġà hija waħda mistennija ħafna u qed isir ħafna xogħol biex tkun saħansitra ikbar u aħjar. Badminton Malta tixtieq tirringrazzja lill-isponsors kollha, lil SportMalta u lill-voluntiera kollha li għamlu dan l-avveniment suċċess.