Saturday, December 14, 2024

“Suċċess” bi prezz uman

Aqra wkoll

Għaddew kwazi 16-il xahar mill-gwerra fl-Ukrajna. Gwerra li affettwat b’mod qawwi il-paċi dinjija, b’kunflitt li mill-ewwel ħareġ fil-beraħ il-qasmiet li jeżistu. Minkejja li għaddew dawn ix-xhur kollha sa issa m’hemm ebda indikazzjoni li din il-gwerra riesqa lejn tmiemha.

Anzi l-indikazzjonijiet huma li l-gwerra se tkompli ttul. Dan kemm bl-għajnuna ta’ armi u munizzjon li qiegħda tingħata l-Ukrajna kif ukoll bil-passività u nuqqas ta’ azzjonijiet li qiegħed jintwera minn Nazzjonijiet Uniti u pajjiżi biex tinstab il-paċi. F’dan il-kunflitt donnu l-isforzi ta’ paċi twarrbu għal kollox. Smajna bi sforzi ta’ negozjar ta’ paċi fil-bidu tal-kunflitt u f’xi żmien wara imma imbagħad donnu tħalla kollox fil-ġenb.

Dan ma sarx b’kumbinazzjoni. Dan sar għax hemm min għandu interess li kunflitt bħal dan jibqa’ għaddej. Hemm min għandu interess li minn kunflitt bħal dan ikollna ‘rebbieħ’ u ‘tellief’. Dan minkejja li f’kunflitt qatt m’għandek rebbieħa. F’kull kunflitt hemm biss telliefa.

Fir-realtà it-telliefa huma l-poplu ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi u magħhom popli oħra li qegħdin ibatu minn dan il-kunflitt. Għandek il-bumbardament fuq bliet fl-Ukrajna li ħallew ammont kbir ta’ vittmi. Għandek il-poplu Russu li ukoll qiegħed ibati minn dan il-kunflitt. Gwerra li ħalliet impatt kbir fuq il-provvisti tal-ikel, ħolqot inflazzjoni u din qiegħda taffettwa b’mod partikolari nies vulnerabbli f’pajjiżi oħra. Qegħdin naraw inflazzjoni għolja li qed tħalli impatt fuq għadd ta’ kategoriji ta’ persuni.

Fl-aħħar jiem kellna sezzjonijiet tal-midja, li b’ċertu pompa ħabbru li l-Forzi Ukreni rebħu xi bliet li kienu rebħuhom ir-Russi. Ħabbrulna li l-Ukreni qed jirnexxielna jorganizzaw u jsaħħa id-difiża tagħhom. Dikjarazzjonijiet li saru biex lill-popli Ewropew ituhom sodisfazzjon għal flejjes minfuqa f’armamenti u munizzjon, liema flejjes ħerġin minn diversi pajjiżi u anke mill-Unjoni Ewropea. Qegħdin jitkellmu fuq offensiva Ukrena. Ir-realtà hi li minkejja dawn ir-rapporti, ftit li xejn kien hemm tibdil fil-mod kif sejra din il-gwerra. Sitwazzjoni staġnata. Kull naħa qiegħda tilgħab il-logħba tal-istennija.

Ir-Russja kemm tiflaħ ittawwal dan il-kunflitt? Kif se jaffettwa dan il-kunflitt għall-elezzjoni Presidenzjali fir-Russja li se ssir f’inqas minn sena oħra? Il-poplu Russu se jibqa’ kwiet? Mill-banda l-oħra, l-Ukrajna kemm tiflaħ tirreżisti? L-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti kemm jifilħu jkomplu jagħtu armi u munizzjon u dan l-aktar quddiem il-fatt li ċ-ċittadini tagħhom jinsabu taħt pressjoni kbira minħabba il-piż tal-inflazzjoni. Mill-Istati Uniti diġa qegħdin nisimgħu kif hemm min iddikjara li f’każ li l-poplu jtih il-fiduċja iwaqqaf l-infieq f’armi għall-Ukrajna u jirtira mill-gwerra.

F’dan il-kunflitt qegħdin naraw ukoll li kemm l-Istati Uniti u kemm iċ-Ċina, qegħdin jevitaw li jkunu involuti direttament. Waqt li l-Istati Uniti iddikjarat li qiegħda u se tkompli tibgħat l-armi, qiegħda tevita għal kollox li tiddikjara jekk hux se tibgħat suldati. Għal dawn il-pożizzjonijiet hemm raġuni. Iċ-Ċina, li tappoġġja lir-Russja, ma tridx tiftaħ kunflitt fuq żewġ fronti, dak mal-Istati Uniti fl-Asja u man-NATO fl-Ewropa. Iċ-Ċina waqt li qed tipprova tevita li r-Russja titlef il-kunflitt, ma tridx li ddgħajjef jew tkisser ir-relazzjoni mal-Ewropa. Quddiem dan, faċilment tasal għall-konklużjoni li ċ-Ċina mhix lesta li tgħin lir-Russja b’mod dirett u fuq skala kbira. Il-mistoqsija li trid issir u li sa issa m’hemm ebda risposta ċara dwarha hi dik ta’ f’każ li r-Russja tidher riesqa lejn telfa, iċ-Ċina se tibqa bil-pożizzjoni passiva tagħha ta’ llum.
Ma’ dan hemm ix-xenarju, li jekk l-għajnuna militari lill-Ukrajna tkompli għaddejja, din tista’ twassal biex il-forzi Ukreni jagħmlu l-avvanzati li ilhom jissemmew biex jakkwistaw lura parti kbira miż-żoni okkupati mir-Russi fir-reġjun Donbas.

U quddiem dan kollu, waqt li jibqa’ għaddej il-kunflitt, hemm prezz. Dak tal-ħajjiet umani.

Ekonomija

Sport