Saturday, October 26, 2024

Suċċess għad-dgħajjes Maltin fil-Yachting Malta Coastal Race

Aqra wkoll

Il-Yachting Malta Coastal Race hija t-tellieqa tradizzjonali li sseħħ ftit jiem qabel ir-Rolex Middle Sea Race. It-tellieqa ta’ din is-sena kienet affari ta’ riħ ħafif bil-flotta tgawdi minn tellieqa ta’ 12-il mil lejn Kemmuna. 

Ir-rebbieħ ġenerali wara l-korrezzjoni tal-ħin fuq is-sistema tal-IRC kien il-jott Malti J/99 Calypso, ta’ Seb Ripard. It-tieni kien jott ieħor Malti Ton Laferla ta’ Jonathan Gambin. It-tielet kien il-Commodore tal-Royal Ocean Racing Club James Neville li qed itellaq fuq il-jott Ino XXX.

Inqas minn minuta sseparaw lill-ewwel tlieta minkejja li kienu qegħdin itellqu fi Klassijiet IRC differenti. Ir-runners-up fil-klassijiet rispettivi kienu: Swiss Farr52 Chocolate ta’ Francois Bopp; il-familja Podesta bil-jott Elusive 2, u l-jott Franċiż JPK 1080 Solenn For Pure Ocean ta’ Ludovic Gérard.

It-tielet fil-klassijiet rispettivi tagħhom spiċċaw: Neo Jivaro ta’ Yves Grosjean, Freya ta’ Conor Doyle, u Red Ruby ta’ Jonathan Mckee.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Yachting Malta Michael Mifsud ikkummenta “Filwaqt li nawguraw lit-timijiet kollha l-aħjar għat-tiġrija l-kbira li ġejja, Yachting Malta u l-Malta Sailing Federation huma sodisfatti bir-riżultati tal-Yachting Malta Coastal Race. Aħna kburin li naraw lill-baħrin Maltin tagħna sejrin daqshekk tajjeb kontra oppożizzjoni ta’ klassi dinjija.”

Iċ-ċerimonja tal-Għoti tal-Premjijiet tal-Yachting Malta Coastal Race seħħet l-Erbgħa fil-għaxija.

Ir-Rolex Middle Sea Race se tibda fil-11.00am mill-Port il-Kbir, is-Sibt, 22 ta’ Ottubru.

Sport