Il-Ħadd, 23 ta’ April, iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija, organizza Fiera tar-Rebbiegħa fil-Ġnien tas-Serenità f’Santa Luċija, fejn il-pubbliku kellu l-opportunità li jgawdi l-ġmiel ta’ dan il-ġnien, kif ukoll id-diversi attivitajiet kulturali Ċiniżi. Bosta kienu dawk li attendew.
Il-Ġnien tas-Serenità li nbena fi stil tal-ġonna klassiċi li jinsabu fil-belt Ċiniża ta’ Suzhou ġie iffinanzjat mill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina bħala rigal lill-poplu ta’ Malta.
Il-ġnien infetaħ uffiċjalment fl-1997. Fiċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Fiera tar-Rebbiegħa, l-E.T. Yu Dunhai, Ambaxxatur Ċiniż għal Malta, bagħat l-awguri tiegħu għal dan l-avveniment u xtaq li kull min kien ser jattendi f’dan il-ġnien kien ser igawdi l-attivitajiet li kienu ser jittellgħu. Min-naħa tagħha, Charmaine St John, Sindku ta’ Santa Luċija, qalet li ormaj dan il-ġnien sar simbolu ta’ ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina.
Dawk li żaru dan il-ġnien nhar il-Ħadd setgħu jesperjenzaw u jiskopru aktar dwar il-wirt kulturali Ċiniż, l-arti, il-mużika, il-kalligrafija, il-mediċina tradizzjonali, id-dekorazzjonijiet u l-kostumi fost oħrajn. Huma tpaxxew ukoll bl-ikel, ix-xorb u t-tè Ċiniż.
Fost l-attivitajiet li saru kien hemm numru ta’ wirjiet, fosthom żfin tradizzjonali bil-kostumi Ċiniżi, kanzunetti popolari Ċiniżi, Tai Chi u Kung Fu, u arti marzjali u żfin tad-dragun mill- membri ta’ Malta School of Wushu.
L-involviment tal-parteċipanti Maltin f’ħafna minn dawn l-attivitajiet huwa xhieda tal-integrazzjoni kulturali u l-apprezzament dejjem akbar tal-kultura Ċiniża
f’Malta.