Friday, December 13, 2024

Suċċess ieħor fil-kamp edukattiv: Skolasajf tiftaħ il-bibien tagħha bl-aqwa mod

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici, għamel żjara fl-iskola primarja taż-Żurrieq, li hija waħda mill-55 ċentru madwar Malta u Għawdex li qed joffru s-servizz ta’ Skolasajf.

Skolasajf fetħet il-bibien tagħha fl-1 ta’ Lulju, ġimgħatejn qabel id-data li kienet ppjanata oriġinarjament. Għalkemm din is-sena n-numru ta’ reġistrazzjonijiet kien wieħed iktar baxx mill-figuri ġeneralment assoċjati ma’ Skolasajf, kien hemm investiment sostanzjali biex Skolasajf tkun attrezzata għal kull eventwalità. Din is-sena, kien hemm 7,849 applikazzjoni għal Skolasajf, filwaqt li 1,607 ħaddiema qed jokkupaw id-diversi rwoli meħtieġa.

Il-Ministru Owen Bonnici qalilna, “Bil-ftuħ ta’ Skolasajf imxejna pass ieħor ‘il quddiem lejn in-normalità meta l-iskola tas-Sajf, SkolaSajf, fetħet il-bibien tagħha biex tilqa’ l-istudenti. Normalment SkolaSajf tiftaħ f’nofs Lulju pero din is-sena, biex nagħtu servizz aħjar, ftaħna fl-ewwel ta’ Lulju”.

Organiżżata u mmexxija mill-Fondazzjoni għal Servizz Edukattivi, Skolasajf din is-sena hija mmexxija skont ir-Regoli Gwida maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Dan jgħin biex iserraħ ras il-ġenituri, li l-FES qed tieħu l-prekawzzjonijiet kolha meħtiega għas-saħħa u s-sigurtà tat-tfal u tal-ħaddiema. Filfatt din is-sena l-bidu ta’ Skolasajf kien imqassam fuq tlett ijiem, għal tfal ta’ etajiet differenti, biex it-tfal ikollhom ċans jadattaw ruħhom għar-regoli l-ġodda fid-diversi ċentri.

Dan is-servizz, tant utli għal familji Maltin, kien mistenni iktar mis-soltu din is-sena mit-tfal li qed jattendu. Dan għaliex se jkun l-ewwel kuntatt soċjali ma’ sħabhom, wara l-għeluq tal-iskejjel f’Marzu li għadda minħabba l-imxija tal-COVID-19.

Skolasajf 2020 hija speċjali għal diversi raġunijiet. Fosthom għaliex tfisser rebħa kollettiva għall-poplu Malti u Għawdxi, li ħadem b’mod maqgħud biex wasalna li nfetħet Skolasajf bħala l-ewwel istituzzjoni edukattiva wara l-pandemija tal-Covid-19. Skolasajf hija r-riżultat ta’ ħidma kontinwa mill-ħaddiema tal-FES, li minkejja ħafna sfidi, taw sehemhom mill-kbir sa ż-żghir, u f’kull qasam, biex is-servizz qed jingħata ġimgħatejn qabel is-soltu. Il-ħidma għadha għaddeja biex tintlaqa’ kull sfida li s-sitwazzjoni tal-COVID-19 qed toffri.

Il-Ministru Bonnici stqarr li, “Dan huwa kollu xogħol eċċellenti li sar bi preparazzjoni li rat kull dettall. Dan isegwi l-ftuħ taċ-childcare centres li sar b’suċċess ftit tal-ġimgħat ilu. Aħna kommessi li nkomplu nagħtu l-aqwa servizzi edukattivi lill-uliedna u lill-ulied uliedna”.

Ta’ kull sena Skolasajf tilħaq għanijiet speċifiċi. Fost l-oħrajn tagħti lok lill-parteċipanti li jitgħallmu billi jkunu kreattivi, b’metodi ta’ learning by doing. Madanakollu Skolasajf ta’ din is-sena se tilħaq għanijiet li jmorru oltrè minn dawk li tilħaq ta’ kull sena. Din id-darba Skola Sajf se terġa’ ddaħħal sens ta’ rutina fil-parteċipanti. Ir-rutina tgħin biex it-tfal iħossuhom siguri u stabbli fl-ambjent li jgħixu fih, ħaġa li tfarrket minħabba l-pandemija li d-dinja għaddejja minnha. 

It-tema ta’ Skolasajf għal din is-sena hija My Planet, My Home. Meta ntgħażlet din it-tema, il-pandemija COVID-19 kienet għadha biss aħbar f’pajjżi oħra. Imma wara dak kollu li ġara, wieħed seta’ jinnota l-effett pożittiv fuq in-natura hekk kif l-attività tal-bniedem waqfet kważi għal kollox. L-attivitajiet li se jsiru fi Skolasajf, marbtuin ma’ din it-tema, se jfakkru lit-tfal dwar is-sbuħija tan-natura, u dwar l-obbligu tagħna li nieħdu ħsieb id-dinja bħala d-dar tagħna. L-attivitajiet se jfakkru wkoll dwar il-ġid komuni li jgħaqqadna, u dwar l-importanza li nieħdu ħsieb xulxin, għaliex kull wieħed u waħda minna jiddependi fuq ħaddiehor.

Dwar dan il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici qalilna li, “Inħasset il-ħtieġa ta’ din it-tema biex tirrifletti l-bżonn li nkunu ċittadini responsabbli li għandna nieħdu ħsieb id-dinja, il-pjaneta li ngħixu fiha. Hija din ir-responsabbiltà li permezz tagħha jkollna l-privileġġ li nibqgħu ngħixu b’mod sigur għaliex dinja sȃna tirrifletti l-futur tagħna bħala cittadini sȃni”.

Tajjeb li jingħad li din is-sena, wara ħidma intensiva li saret, Skolasajf se tkun mifruxa fuq 10 ġimgħat u mhux fuq 8 ġimgħat kif tkun is-soltu.

Skolasajf bdiet b’servizz li għandu 10 ġimgħat mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8:30 ta’ filgħodu san-nofs siegħa. Imma hemm ukoll servizz estiż għall-ġenituri li jaħdmu t-tnejn li huwa ofrut f’ċentri selettivi mis-7:00 ta’ filgħodu sat-8:30 ta’ filgħodu umgħad min-nofs siegħa sal-ħamsa u nofs ta’ wara nofsinhar.

Se jkunu jiem eċitanti għal dawk kollha li se jipparteċipaw.

Waqt Skolasajf, il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi tippromwovi wkoll ħafna l-attività fiżika. Isiru sessjonijiet kuljum minn playworkers speċjalizzati fl-edukazzjoni fiżika, li jorganizzaw sessjonijiet varjati imma wkoll pjaċevoli għall-parteċipanti.

Ix-xogħol marbut ma’ dan is-servizz u biex dan jimxi bla xkiel beda b’intensità minn xhur ilu, b’aktar reqqa mis-soltu minħabba s-sitwazzjoni dinjija tal-imxija tal-COVID-19. Għalhekk din is-sena Skolasajf se jkollha modifikazzjonijiet biex jakkomodaw dak li huwa meħtieġ u skont il-pariri tal-Awtoritajiet tas-Saħħa minħabba din is-sitwazzjoni. Dawn se jkunu dejjem aġġornati skont dawn il-pariri.

B’hekk din is-sena mhux se jkun hemm taħlit bejn klassi u oħra jew inkella logħob li jinkludi kuntatt bejn il-parteċipanti. It-tfal għalhekk se jkunu bbażati fil-klassijiet li anki hawn se jittieħdu miżuri kif stipulat mill-awtoritajiet.

Se tittieħed ukoll kull miżura ta’ saħħa u sigurtà biex tħares lit-tfal, klijenti u wkoll il-ħaddiema ta’ Skolasajf, li jinkludu t-teħid tat-temperatura, ħasil u sanitażjoni tal-idejn u wkoll mezzi oħra fosthom is-sanitażżjoni taċ-ċentri u għamara. Se jidħlu biss fiċ-ċentri dawk il-persuni li huma awtoriżżati li jagħmlu dan.

Ekonomija

Sport