Friday, December 19, 2025

Suċċess ieħor għal BMX Xmas International Fest 2025

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-BMX għadha kif organizzat edizzjoni oħra tant mistennija tal-BMX Xmas International Fest 2025 li saret fl-Indoor Warehouse f’Pembroke. Dan l-avveniment ġabar flimkien atleti lokali, kif ukoll internazzjonali ta’ kull età u livell ta’ ħila, u wera l-aqwa talent tal-BMX f’sensiela ta’ tiġrijiet u kompetizzjonijiet li ġibdu folla entużjasta ta’ partitarji.

Fil-Grupp tal-Biginners ħareġ rebbieħ Craig Debono. Warajh spiċċaw Simon Vella u Jim Bajada fit-tieni u t-tielet post rispettivament. Chalane Catania ħareġ rebbieħ fil-Grupp B, filwaqt li Jashua Bonnet spiċċa fit-tieni post. Il-Grupp A, dak Pro intrebaħ mit-Taljan Alessandro Barberro, b’Jan Boroza tar-Repubblika Ċeka t-tieni pożizjoni u l-Malti Gianni Zahra fit-tielet post.

David Ungr mir-Repubblika Ċeka kien ippremjat għall-aqwa trick, filwaqt li Brody Pace u Craig Debono ġew ippremjati bit-trofew Alfred Abela għall-aktar atleti li tjiebu matul l-istaġun, kif ukoll fuq l-attendenza regolari tagħhom.

Għadd kbir ta’ nies attendew dan l-avveniment spettakolari. Waqt il-premjazzjonijiet li saru minn Dr. Kaylon Zammit, Sindku ta’ Pembroke, kif ukoll minn Gabriel Ferris, il-president u fundatur, John Zammit irringrazzja lin-numru kbir ta’ voluntiera li għinu b’dedikazzjoni lejn l-avveniment. Huwa rringrazzja wkoll lill-isponsors kollha, li flimkien għamlu wkoll il-premjazzjonijiet, lill-Kumitat Olimpiku Malti, Sport Malta, Visit Malta u entitajiet oħra li għenu għal avveniment internazzjonali ta’ suċċess.

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-BMX testendi l-grazzi mill-qalb tagħha lill-parteċipanti, partitarji, u voluntiera kollha li kkontribwew biex jagħmlu dan l-avveniment ċelebrazzjoni ta’ talent, passjoni, u spirtu ta’ komunità, kif ukoll tawgura l-Milied Hieni 2025 mimli Barka u Hena tas-Sena, kif ukoll Sena Ġdida 2026 mimlija saħħa u suċċessi lil kulħadd. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport