Saturday, December 21, 2024

Suċċess kbir fl-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Notte Bianca

Aqra wkoll

Kienet suċċess kbir l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Notte Bianca hekk kif eluf ta’ nies ħonqu l-Belt Valletta. Dan il-Lejl Imdawwal sar magħruf għad-diversità tiegħu, bi programm varjat imżewwaq b’wirjiet artistiċi ta’ kull tip, inkluż mużika, żfin, kant, installazzjonijiet u aktar. Din is-sena, l-udjenzi ta’ Notte Bianca gawdew minn ’il fuq minn 50 proġett li b’kollox inkludew madwar 250 artist lokali u internazzjonali.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal kif f’Notte Bianca, l-Maltin u turisti japprezzaw il-ġmiel tal-Belt kapitali ta’ pajjizna: t-toroq li jgħidu storja rikka ta’ sekli sħah, is-sbuħija tas-swar u l-palazzi maestuzi tagħha u dan kollhu jsehh f’ambjent ta’ festa ta’ ilwien, muzika, spettaklu u ikel.

“Nirringrazzja lil Festivals Malta tal-impenn biex darba f’sena tittella din il-festa li tigbed eluf ta’ nies lejha,” qal il-Ministru Bonnici.

Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra faħħar ix-xogħol li sar mit-tekniċi, mill-artisti, mit-team ta’ Festivals Malta, u dawk kollha li b’xi mod jew ieħor kienu involuti biex tittella’ Notte Bianca oħra ta’ suċċess.

“Kuntent li għal darb’oħra Festivals Malta rnexxielha tilħaq livelli ogħla minn ta’ qabel. Notte Bianca hija vetrina għall-kultura ta’ pajjiżna li tant hija għal qalb il-poplu Malti u Għawdxi u dan deher biċ-ċar mill-konkorenza numeruża li kellna. Nirringrazzja lil dawk kollha li kienu involuti biex din l-edizzjoni ta’ Notte Bianca tintemm b’suċċess, b’mod speċjali t-tim ta’ Festivals Malta li jaħdem qatigħ biex kull attività tkun tal-ogħla livella”, qal is-Sur Zahra.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius qal, “Notte Bianca huwa wieħed mill-akbar avvenimenti fil-kalendarju ta’ Festivals Malta. Dan jirrikjedi sigħat twal ta’ xogħol u preparamenti, imma meta naraw riżultat pożittiv bħal dak li kellna f’din l-edizzjoni, ma nistgħux ma nkunux kburin u sodisfatti b’dak li ksibna. Apparti lill-kollegi tiegħi ta’ Festivals Malta li jimmeritalhom kull tifħir, nixtieq ukoll nirringrazzja lill-kollaboraturi numerużi li jaħdmu magħna sabiex Notte Bianca timxi ħarir, b’mod speċjali l-forzi tal-ordni u s-sigurtà, l-awtoritajiet ċivili u l-Kunsill Lokali tal-Belt.”

Id-Direttur Artistiku ta’ Notte Bianca, Antoine Farrugia tkellem fuq il-programm artistiku ta’ din is-sena, li ħoloq interess fost l-udjenzi numerużi li żaru Notte Bianca. “Din is-sena l-programm niżel tajjeb ferm mal-udjenza tagħna. Bħal kull sena kien programm varjat li jappella għal kulħadd, imma li kellu speċjali hu li din is-sena kien magħmul b’artisti li l-maġġoranza tagħhom kienu Maltin. Ħadt gost nara l-livell ta’ produzzjonijiet li din is-sena spara ’l fuq, li fl-aħħar mill-aħħar juri kemm huma bravissimi l-artisti tagħna. Issa tibda’ l-ħidma għas-sena d-dieħla, li biċ-ċert ngħid ħa tkun edizzjoni oħra mill-aqwa.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għas-suċċess kbir ta’ din is-sena ta’ Notte Bianca. Hija qalet li l-avveniment laqqa’ eluf ta’ nies li gawdew il-kultura u l-arti lokali, u dan jikkonferma l-importanza li s-settur kreattiv għandu għat-tkabbir tal-komunità. Preżenti wkoll kien hemm is-Sindku tal-Belt Olaf Mckay.

L-edizzjoni li jmiss ta’ Notte Bianca se ssir is-Sibt 4 ta’ Ottubru 2025. Notte Bianca hija organizzata minn Festivals Malta bis-sapport tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u b’kollaborazzjoni ma’ 89.7 Bay, Bay Easy, Inkontru.app, GSD Marketing Ltd, u European Heritage Days.

Ekonomija

Sport