Sunday, December 22, 2024

Suċċess kbir għal Velocity Esports Racing

Aqra wkoll

Velocity Esports Racing hija komunità Maltija li tiġbor sewwieqa determinati u b’passjoni kbira lejn it-tlielaq tal-karozzi fuq il-Playstation, bl-għan li barra milli jorganizzaw l-avvenimenti, jiġbru flimkien nies ta’ etajiet differenzi li jaqsmu l-istess interessi u ħeġġa.

Velocity Esports Racing twaqqfet f‘Marzu tal-2020, fl-eqqel tal-pandemija tal-Covid-19. Kollox beda minn grupp ta’ ħbieb li tħajjru li jibdew isuqu fuq il-logħoba tal-Formula 1. Iddeċidew li jitfgħu riklam żgħir fuq paġna sportiva lokali fuq il-midja soċjali biex iħeġġu iktar Maltin biex itellqu magħhom. Irnexxielhom jagħqdu 20 parteċipant fl-ewwel ġimgħat. Issa l-komunità tikkonsisti minn iktar minn mitt sewwieq attiv, filwaqt li għandha iktar min elfejn segwaċi fuq il-paġna ta’ Facebook.

Preżentemtnt, Velocity Esports Racing, torganizza żewġ kampjonati prinċipali: V1 Malta Series u Asphalt Kings. Dawn kollha jinstaqu fuq il-pjattaforma Playstation 4 u Playstation 5. Jiġu ukoll organizzati tlielaq u avvenimenti b’mod iktar każwali matul is-sajf u fi ż-żmien il-Milied.

Il-V1 Malta Series huwa l-kampjonat misjuq fuq l-iktar logħoba reċenti tal-Formula wieħed. Bħalissa qed tintuża F1 22 u qiegħed fil-ħamest staġġun tiegħu. Dan huwa l-iktar li jiġi segwit minħabba li huwa l-ikbar kampjoant virtwali ta’ livell f’Malta. Il-V1 jitqassam f’żewġ kampjonati: il-Main Championship u Tier 2. Dawn is-sewwieqa jiġu mqassmin skont il-livell ta’ esperjenza u abilità tagħhom. Fil-Main Championship itellqu l-iktar sewwieqa veloċi f’Malta. Il-Main Championship itellqu kull nhar ta’ Tnejn fid-9.00 pm filwaqt li Tier 2 ijsuqu kull nhar ta’ Ħamis fl-istess ħin.

Asphalt Kings huwa l-kampjonat li fih jinkludi l-karozzi tal-kategorija GT3. L-ewwel staġun tiegħu, instaq fuq il-logħoba Gran Turismo Sport. It-tieni edizjoni tas-sajf li għadda kellha tiġi imħassra minħabba l-problemi tekniċi fil-logħoba l-ġdida, Gran Turismo 7. Ftit żmien ilu, il-logħoba ġiet irranġata u ġie organizzat kampjonat li jinkkonsisti minn żewgt itlielaq misjuqa b’ karozzi tal-għamla Alfa Romeo fuq il-logħoba Gran Turismo 7.

Riċentement, Velocity Esports Racing ħadu sehem bħala parteċipanti f’Playcon, fiera dwar l-industrja tal-Game Development u esports. Kien hemm preżenti ħafna kumpaniji kbar bħal Ubisoft u ESL. Dawk li attendew Playcon kellhom l-opportunità jiltaqgħu ma xi sewwieqa tal-V1 Malta Series, fosthom Jake Sammut li rebaħ dan il-kampjonat darbtejn, kif ukoll jippruvaw isuqu fuq wieħed miż-żewġ simulaturi preżenti.

B’ħafna ħerqa, inħeġġeġ lilkom tingħaqdu magħna bħala parteċipanti jew spettaturi u tesperjenzaw l-adrenalina ta’ dawn it-tlielaq flimkien ma’ ħafna oħrajn li bħalkom jgħożżu din il-passjoni għat-tlielaq tal-karozzi. Għal iktar informazjoni morru fuq il-paġna ta Facebook jew fuq is-sit online https://velocityesportsracing.com/.

Ekonomija

Sport