Sunday, December 29, 2024

Suċċess Malti fit-tellieqa tal-Ibburdjar minn Sirakuża għal Malta

Aqra wkoll

It-tellieqa tal-ibburdjar Syracuse – Malta hija l-eqdem tiġrija fil-Mediterran u hi organizzata mir-Royal Malta Yacht Club u l-Lega Navale Italiana (Sezione di Siracusa). Il-bidu ta’ din it-tellieqa offshore jalterna kull sena. Din is-sena kien imiss lill-Lega Navale ta’Sirakuza biex tospita il-bidu tal-edizzjoni ta’ din is-sena.

Il-Flotta,  li kienet tikkonsisti minn 21 jott li kienu qedin jikkompetu fil-Klassi ORC u seba’ jottijiet li jikkompetu fil-Klassi IRC, telqet minn Sirakuza is-Sibt filgħodu fl-10. Bil-kundizzjonijiet tat-temp prevalenti kienu inqas favorevoli milli ttamat, il-Kumitat tat-Tlielaq għamel biddliet żgħar fil-korsa li rat it-tiġrija tibda minn Capo Murro di Porco minflok mill-port ta’ Sirakuża. Aktar minn hekk il-kumitat  għażel li qabeż il-parti tar-rotta fejn kienu jgħaddu madwar il-gżira Għawdxija biex il-flotta tkun tista’ tispiċċa direttament fil-Port ta’ Marsamxett.

Jottijiet Maltin għandhom stejjer ta’ suċċess f’din it-tellieqa u din is-sena ma kinitx eċċezzjoni b’żewġ dgħajjes Maltin jieħdu l-ewwel post kemm fil-klassi ORC kif ukoll fl-IRC. L-ewwel li spiċċa t-tellieqa kien Artie III ta’ Lee Satariano, madankollu bir-ratings jidħlu fis-seħħ, il-jott Pep ta’ Mark Camilleri ħareġ rebbieħ tat-tiġrija ta’ madwar 80 mil nawtiku, wara li kien kapaċi jisfrutta bl-aħjar mod ir-riħ li kien skars.

Wara t-tellieqa Camilleri irrimarka, li “Din it-tellieqa kellha kundizzjonijiet kalmi li ppermettewlna nkunu qrib d-dgħajjes li huma kbar minn tagħna. Għandna ekwipaġġ żagħżugħ iżda li għandu kapaċitajiet tajbin, u l-kontribut ta’kulħadd kien importanti. Ninsabu umli li ksibna dan ir-riżultat meta konna qedin nikkompetu ma numru ta’baħrin ta’esperjenza fl-ibburdjar offshore”. Temm billi rringrazzja lir-Royal Malta Yacht Club u lill-Lega Navale ta’ Sirakuża.

Il-Klassi ORC intrebħet mill-jott J99 Calypso. L-ekwipaġġ ta’ Calypso kien magħmull minn Sebastian Ripard u Saul Vassallo.

“L-edizzjoni ta’ din is-sena kellha varjetà sabiħa ta’ kundizzjonijiet, għalkemm bi ftit nuqas ta’riħ. It-tellieqa kienet ta’ sfida mentali u kellha ftit karatteristiċi differenti biex tinnaviga. Il-kundizzjonijiet tar-riħ tal-baħar tul il-kosta ħolqu żewġ żoni ta’ tranżizzjoni kritiċi f’Murro di Porco u Capo Passero,” innota Ripard wara t-tellieqa. “Il-passaġġ lejn Malta kien delikat ukoll peress li r-riħ sparixxa għal kollox fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, iżda fortunatament reġa’ lura ftit qabel is-sebħ u ħallina nispiċċaw mingħajr ma nkunu qattajna wisq sigħat weqfin. Kien ta’ pjaċir nerga nikkompeti ma Saul, double handed f’dawn it-tlielaq offshore. Meta wieħed it-tellaq double handed, is-sodisfazzjon tkun ikbar” temm jgħid.

It-tellieqa minn Sirakuza ġiet fi tmiemha b’serata ta għoti ta’ premijiet din is-sena organizzata mir-Royal Malta Yacht Club.  Għal preżentazzjoni tat-trofej, kien hemm il-Commodore tar-Royal Malta Yacht Club David Cremona, kif ukoll Martin Azzopardi u Luca Lacitginola, membri tat-tim tal-Uffiċjali tat-Tlielaq tal-Club.

Il-Commodore tal-RMYC David Cremona rringrazzja lil-Lega Navale Italiana (Sezione di Siracusa) għall-kollaborazzjoni kontinwa li ilha għaddejja għal għexieren ta’ snin.

L-avveniment li jmiss li se jkun ospitat mir-Royal Malta Yacht Club se tkun it-Trekbex Series, serje ta’ ħames tiġrijiet filgħaxija li tibda fis-26 ta’ Lulju.

Ekonomija

Sport