Tuesday, November 11, 2025

Suċċess rekord għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2025 

Aqra wkoll

Is-46 edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, organizzata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) Ta’ Qali, ġabet magħha suċċess rekord b’40,000 viżitatur fuq ħamest ijiem u 44 esibitur, b’aktar minn mitt attività relatata mal-letteratura, il-qari u l-arti.

Dan l-avveniment, li sar taħt it-tema “Nikteb mill-Ġdid”, ġabar taħt saqaf wieħed pubblikaturi, bejjiegħa tal-kotba, awturi u msieħba kulturali f’ċelebrazzjoni kollettiva tal-kelma miktuba.

Wieħed mill-elementi prinċipali tas-sena kien il-voucher ta’ €20 għall-istudenti ta’ bejn il-5 u s-16-il sena, inizjattiva li kienet tħabbret fil-Budget 2025 u li rat aktar minn 15,000 voucher jissarrfu.

B’investiment ta’ €625,000, din il-miżura wasslet biex ħafna aktar tfal, żgħażagħ u familji jersqu lejn il-festival u jixtru l-kotba tagħhom, filwaqt li injettat fondi diretti fl-industrija tal-pubblikazzjoni Maltija.

Il-Ministru Clifton Grima qal li dan huwa eżempju ċar ta’ kif il-Gvern qed jinvesti fit-tfal, iż-żgħażagħ u l-letteratura Maltija. “Aħna kommessi li npoġġu l-ktieb fil-qalba tal-ħajja Maltija. Permezz ta’ din l-inizjattiva mhux biss qed ngħinu biex uliedna jibnu librerija fid-dar tal-ġenituri tagħhom, imma qed nagħtu wkoll appoġġ lil din l-industrija li qed iżżomm ħaj il-ktieb u l-letteratura,” qal il-Ministru Grima.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri, irringrazzja lill-Ministeru u lill-Gvern tal-appoġġ tagħhom lejn din l-inizjattiva li għall-ewwel darba kienet estiża għall-istudenti kollha f’Malta u Għawdex. “Din l-inizjattiva ġabet magħha riżultati pożittivi u tressaq ħafna familji u tfal lejn il-qari u l-letteratura Maltija. Il-voucher mhux biss inċentiv għall-qari, imma investiment konkret li jsaħħaħ il-pubblikazzjoni u l-professjoni kreattiva fil-pajjiż,” qal Camilleri.

Il-Festival ta’ din is-sena ospita wkoll awturi internazzjonali magħrufa, fosthom Samantha Harvey, Jeff VanderMeer u Ann VanderMeer, kif ukoll l-esebizzjoni From Illustration to Book f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti, li wriet l-arti tal-illustrazzjoni bħala parti integrali mill-ħolqien tal-kotba.

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, irringrazzja lil dawk kollha involuti f’dan is-suċċess, inklużi l-pubblikaturi, awturi, illustraturi, qarrejja, bejjiegħa tal-kotba, għalliema u ġenituri, li flimkien ikomplu jsaħħu l-qari bħala parti mill-identità kulturali ta’ pajjiżna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport